Il-famuż cartoons ta’ Holly e Benji din is-sena jagħlaq 30 sena minn mindu ħareġ fuq it-televiżjoni għall-ewwel darba. Kien fl-1986 meta ż-żewġ karattri tal-attakkant u l-gowler rivali dehru fuq it-televiżjoni Taljana, u allura kienu aċċessibbli anke fuq l-istazzjonijiet li jinqabdu f’Malta.
Oriġinarjament, din il-produzzjoni għat-tfal kien jisimha Capitan Tsubasa u bdiet fil-Ġappun fl-1981, qabel waslet l-Italja 5 snin wara f’Lulju tal-1986.
“Jien niftakar li xena tal-gowler itir kienet iddum mal-10 minuti”, sostna Fabian Demicoli, il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet f’Media.Link Communications.
Il-preżentatur ta’ Replay Christian Micallef spjega kif hu ma kienx jitlef episjodu wieħed ta’ Holly e Benji. “Kont nemmen dak kollu li kont qed nara. Niftakar dakinhar li ħija l-kbir, wara li kien jarani nieħu dan il-cartoons wisq b’serjetà, kien ġie jgħidli li dak kollu li kont qed nara kien fittizzju u ma jeżistix. Ta’ tifel li kont, tista’ taħseb kif ħassejtni!”, sostna Micallef fil-kummenti tiegħu lil dan is-sit.
Anke l-opinjonista u preżentatur Jes Saliba kien jara dan il-cartoons meta kien żgħir. “Ma konniex nitilfu wieħed u niftakar li l-ġurnata kienet iddur mal-ħin tal-programm, li mingħalija kien fl-4:30pm. Nahseb kien programm li kien jirnexxielu jolqot il-ħolm ta’ diversi tfal ta’ tampari. Kien hemm għadd ta’ cartoons ispirtati minn sport ieħor. Fil-fatt, wieħed milli niftakar sew ukoll kien Mila e Shiro li kien ambjentat madwar il-logħba tal-Volleyball”.
“Minn Holly e Benji, niftakar l-iktar id-diska, u l-karratteristiċi partikolari ta’ kull atleta li kien jilgħab”, spjega Jes Saliba. Hu qalilna ukoll li darba ħa miegħu televiżjoni portable Għawdex biex ma jitlifx episodju wieħed. “Saħansitra anke tim tas-subbuteo bl-ilwien ta’ Holly e Benji kelli!”
Id-dj Pierre Cordina jirrakkonta illi jiftakar jara Holly e Benji eżatt wara l-iskola. “Kont nipprova nimita lil Holly u noħlom li nkun bħalu, iżda kont nispiċċa naqa’ għaċ-ċajt! Dan il-cartoons iġibli ħafna memorji ta’ tfuliti”.
//= $special ?>