L-abbuż fuq bini u bejgħ ta’ oqbra mhux isir biss fl-Addolorata imma anke f’ċimiterji oħrajn
Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg appellat lill-Gvern jieħu azzjoni finali u deċiżiva sabiex l-abbuzi kollha li kienu żvelati fl-aħħar xhur fit-tmexxija taċ-ċimiterji u li għaddejjin kontinwament minn gurnata ghal ohra, jinqatghu minnufih.
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa staqsiet jekk hux se nibqgħu għaddejjin b’detriment u b’diżrispett lejn il-mejtin. Appellat li wasal iż-żmien li l-Gvern jiddeċiedi li dawn l-affarijiet ma jibqgħux għaddejjin u li l-Ministru responsabbli jżomm lill-poplu aġġornat u infurmat b’dak li qed jiġri waqt li staqsiet jekk l-investigazzjonijiet hux se jibqgħu għaddejin, u jekk hemmx pressjoni biex kollox jieqaf.
Meta tkellmet illejla fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament, Claudette Buttigieg qalet li rridu naqtgħu l-kultura ta’ xejn mhu xejn u jkollna l-kuraġġ li nieħdu azzjoni.
Claudette Buttigieg tkellmet għal darb’oħra fil-Parlament dwar dak li għaddej f’diversi ċimiterji, iżda b’mod speċjali f’dak tal-Addolorata. B’rabta ma’ dak li kienet żvelat fil-Parlament f’Ottubru li għadda, ix-Shadow Minister qalet li kienet għaddiet l-informazzjoni kollha lill-Pulizija li qed jinvestigaw dan il-każ, u lill-Imħallef li qed imexxi l-inkjesta. Sostniet li mhux veru li waqqfet jew ippruvat twaqqaf l-investigazzjonijiet milli jkomplu fuq dak li għaddej fiċ-ċimiterji.
Pressjoni biex jieqfu l-investigazzjonijiet?
Esprimiet it-tama li l-pressjoni biex dawn l-investigazzjonijiet jieqfu jew jikkonkludu ruħhom bla eżitu, mhix ġejja mill-fatt li wiehed mill-persuni allegatament involuti f’dan l-iskandlu, għandu pozizzjoni ta’ direttur, u minħabba li jekk jibqa’ sospiż mix-xogħol jista’ jitlef il-kariga tiegħu, hemm min qed jagħmel pressjoni ma’ Kastilja biex ma jittieħdu ebda passi fil-konfront ta’ ħadd. Staqsiet x’jiġri jekk dawn jerġħu jidħlu x-xogħol u jinstabu ħatja.
Il-każ jittratta numru mhux żgħir ta’ oqbra mibnija mill-ġdid (illegalment fuq art tal-gvernġ) u oħrajn diġà preżenti fil-post li nbiegħu b’qerq.
Fissret ukoll li wara li d-diskors tal-baġit ma ssemma xejn fuq oqbra ġodda, ħafna qed jistaqsu fuq liema bażi se jiġġeded il-konvenju għall-xiri ta’ oqbra ġodda, b’mod partikolari fl-Addolorata. Dan meta f’Marzu li ġej dawn il-konvenji se jiskadu u l-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija qed jgħid lin-nies li se jinbnew oqbra ġodda imma fil-baġit ghal din is-sena m’hemmx ċentezmu allokat.
Claudette Buttigieg żvelat li l-abbuż fuq bini u bejgħ ta’ oqbra mhux isir biss fl-Addolorata imma anke f’ċimiterji oħra. Fiċ-ċimiterju Ta’ Braxia, l-istess persuni li bnew u biegħu oqbra fl-Addolorata, wettqu l-istess ħaġa. Staqsiet jekk hux qegħdin jigu investigati dawn l-oqbra.
Abbużi wkoll f’Ta’ Braxia u fil-Mosta
Ix-Shadow Minister staqsiet jekk hux veru li l-kuntrattur li allegatament ħaffer l-oqbra fl-Addolorata, ħa wkoll ċifri kbar ta’ flus f’Ta’ Braxia, fejn persuna, talli tneħħitilha ftit tal-ħamrija mill-qabar tagħha sabiex dan ikun aktar fond, kellha tħallas eluf ta’ ewro.
Staqsiet hux veru li fil-Mosta, fejn kummissjonanti privati jieħdu ħsieb tad-dfin, inkixef li bdew iżommu l-mejtin għal somma flus f’kaxxi fl-oqbra tal-gvern meta dawn suppost imorru fl-ossarju u wkoll oqbra proprjetà tal-gvern għaddew f’idejn il-privat. F’Burmarrad u f’Ħaż-Żebbuġ, staqsiet jekk sarux abbużi simili minn persuni mis-Sanità, fosthom bejgħ ta’ oqbra għal prezzijiet ferm ogħla minn dawk li kien qed jitlob il-Gvern.
Irriferiet ukoll għall-aħbar fil-media llum, li rrappurtaw li hemm nies li kienu jaħdmu fis-segretarjat tal-eks-Ministru Godfrey Farrugia li xogħolhom suppost hu li jassiguraw li ma jkunx hemm dan it-tip ta’ abbuż. Hemm nies ukoll tas-Sanità, li jwettqu xogħol overtime fl-Addolorata b’sistema ta’ roster u li jinqdew bl-iskuża tal-liġi li titlob rappreżentanza sanitarja fil-post, li ma jafu xejn dwar il-ħidma tal-post, jew ikunu skartati.
Semmiet li kull min imur l-Addolorata s-Sibt u l-Ħadd jintalab imur mill-ġdid fost il-ġimgħa biex jinqeda mill-Ispettur Sanitarju tal-post.
Semmiet li l-amputazzjonijiet mill-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei, fejn jitħallew għal ġranet sħaħ meta jkun hemm numru mhux hazin, jintbagħtu b’vettura privata ċ-ċimiterju tal-Addolorata u jinxteħtu fl-ossarju. Minħabba l-irwejjaħ, is-Senior Health Inspector u d-Direttur tas-Sanità fil-preżent sospiżi, iddeċidew li jibdew jintużaw minflok żewġ oqbra tal-Komun tal-Gvern, meta suppost dawn jafu li qabar ma jinfetaħx qabel sena u hekk għadu jsir sal-lum.
It-twiebet li jinqalghu mill-oqbra jintefgħu fi skip u mhux jinħarqu
Kompliet tiżvela kif it-twiebet li jinqalghu mill-oqbra, li darba kienu jinħarqu, illum qegħdin jitħallew fi skips mikxufin fuq in-naħa ta’ wara tal-Addolorata, fejn min jidħol mill-parti ta’ Santa Luċija jsibhom jilqugħ ma’ wiċċu. Dan għaliex il-MEPA ma tridx li jsir aktar ħruq. Semmiet ukoll li madanakollu, meta ġie Francois Holland kollox tnaddaf.
Tkellmet ukoll dwar id-diversi prattiċi li daħħal is-Senior Health Inspector fil-prezent sospiz, fosthom:
li tintalab dikjarazzjoni ffirmata wkoll meta jmut l-istess sid ta’ qabar; li bniedem ma jitħalliex jindifen fil-parti t’isfel tal-qabar ukoll meta jkun hemm l-ispazju bl-iskuża li din saret kannierja; li l-fratellanzi u s-soċjetajiet qegħdin jiċċaħħdu milli jużaw l-ossarji tagħhom jekk mhux bi ħlas; u li d-deffiena qegħdin jagħżlu li ma jneħħux ħwejjeg minn fuq il-fdal tal-mejtin u bl-ilbies ikomplu jiżgumbraw il-qabar.
Tkellmet ukoll dwar iċ-ċimiterju tar-Rabat u semmiet li t-trasporti huma bbukjati li jerġgħu jsiru fis-17 ta’ Frar li ġej, u li dan ifisser li s-Sanità għal darb’oħra ħalliet kollox għaddej anki meta nġibditilha l-attenzjoni.
L-amministratur prezenti taż-Ċimiterju tal-Addolorata jibdel l-uffiċċju f’każin politiku
Claudette Buttigeg qalet li l-amministratur preżenti taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, maħtur b’kariga politika, bit-telefown ma ssibu qatt u jkun minflok fl-istazzjon tal-media Laburista jirrekordja l-programmi u juża l-vann tax-xogħol għal qadi privat. L-istess jingħad għal grupp ta’ nies tiegħu li qatt ma jersqu għax-xogħol jekk mhux biss għal ftit minuti.
Semmiet li hu stess stqarr quddiem bosta, li persuna Laburista għandha tinqeda aħjar u aktar mill-oħrajn bl-uffiċċju tal-amministrazzjoni jinbidel fl-aħħar xhur f’każin politiku.
Ħaddiema mhedda mit-tieni persuna maħtura f’position of trust
Żvelat ukoll li preżenza waħda ta’ ħatra politika ma kinitx biżżejjed, għaliex il-Ministru tas-Saħħa u l-Energija bagħat fl-aħħar xhur persuna oħra appuntata politikament li jidher li r-rwol tiegħu hu proprju dak li tinforma lill-Ministru pass pass dak kollu li jsir mill-ħaddiema. B’dan, il-ħaddiema qed iħossuhom kontinwament mhedda bil-prezenza tiegħu. Talbet lill-Ministru jiġġustifika l-preżenza ta’ din il-persuna f’position of trust, meta din il-persuna fi tliet snin qalgħet erba’ transfers.
Irrimarkat ukoll li ma tridx tkun taħdem l-Addolorata biex tkun taf li kull min imur l-Addolorata jsib il-gate security li l-ewwel ħaġa li jistaqs hi jekk għandekx qabar u li jekk le, ibiegħlek wieħed hu, u li hemm persuna mill-uffiċċju tippretendi t-tips bi skuża ta’ għan filantropiku.
Tkellmet ukoll dwar id-deffiena li tħallew abbandunati mis-Sanità bil-kmamar tagħhom bis-soqfa joqtru, it-taraġ tal-ġebel imkisser u perikoluż, ħwejjiġhom maħmuġin u mqattgħin, bla ngwanti jew maskri meta jaqilgħu il-mejtin, safety shoes imqattgħin, u kmamar tal-banju mkissra u mimlija wirdien. Appellat lit-Taqsima tal-Health & Safety biex tmur tara b’għajnejha f’liema ambjent jaħdmu dawn in-nies.
Ħlas ta’ mhux inqas minn €100 għat-tindif tal-oqbra meta l-gvern jieħu €15.13
Semmiet ukoll li madanakollu, nies li naddfu l-oqbra tagħhom fl-aħħar xhur kienu mitluba jħallsu mhux inqas minn €100, meta l-gvern jieħu biss is-s-somma ta’ €15.13 kif indikat fl-ircevuti li jinhargu mill-ufficcju. Staqsiet fejn qed imorru dawn il-flus.
Fissret li d-deffiena jbiegħu lill-pubbliku kaxxa tal-plastik li fiha jitqiegħdu l-mejtin li mhumiex ħlief jimlew l-oqbra. Irċevuta ma’ tinħareġ qatt u l-prezz ivarja minn €20 sa €35 għal kaxxa li ma tqumx iżjed minn €5. Il-prezzijiet jinbidlu skont il-persuna li tigi quddiemhom.
Ħlasijiet għolja u mingħajr irċevuta
Mal-kaxxi tiġi mbagħad l-irħama. Filwaqt li mhumiex marbuta li jerfgħu l-irħam imma biss li jiftħu u jagħlqu x-xorok, staqsiet min tahom il-jedd li jagħtu s-somma huma għal kull irħama, u li tvarja minn €60 sa €80 u bla rċevuta ta’ xejn.
Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg qalet li l-indikazzjonijiet huma li l-moħħ wara dan kollu hu wieħed mis-supervisors stess. Semmiet li persuna li naddfet qabar fl-aħħar ġranet kienet imgieghla tħallas €70 tal-irħama u €50 tal-kaxxi. Ma’ dan intalbet aktar flus bħala tips, u meta offriet €10 qalulha li mhux biżżejjed u ntbagħtet il-bank ta’ Raħal Ġdid tiġbed aktar għax ma kellhiex flus iżjed x’toffri.
Fissret li dawn l-abbużi kollha saru taħt għajnejn u bil-barka tas-Senior Health Inspector fil-preżent sospiż, li minn naħa tiegħu kellu l-barka tad-direttur sospiż ukoll.
//= $special ?>