Qorti

“Baqa’ jiekol sandwich bil-perżut?” – il-Maġistrat Mifsud wara li Pisani tal-Patrijotti deher il-Qorti siegħa tard

Ritratt : Alex Pisani

Tentattiv tal-kelliem ta’ Għaqda Patrijotti Maltin, Alex Pisani, biex iħarrek lill-frontman tal-band Brikkuni, Mario Vella, ma ntlaqax mill-Qorti dalgħodu li ħelset lil Vella minn kull akkuża.

Il-Maġistrat Joe Mifsud sema’ kif Pisani rrapporta lil Vella mas-Cybercrime Unit tal-Pulizija wara post fuq il-midja soċjali fejn Vella kkwota ħabib tiegħu jgħid li hu kien evita li jaħdem ma’ Pisani wara li ssuspetta li kien qed jisirqu.

Vella qal li Pisani kien meqjus minn organizzatur bħala bniedem li mhux ta’ min jafdah wara li ssuspetta li ma kienx qed jagħtih il-flus li kienu jmissuh mill-ħidma ta’ bar. Il-Qorti semgħet ukoll kif Vella ipotizza l-użu ta’ cocktails tal-molotov kontra l-Għaqda Patrijotti Maltin.

mario vella brikkuni

Iktar tard, Vella spjega li l-kummenti kienu bejn ħbieb u li Pisani ħariġhom ’il barra mill-kuntest.

Għal quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Pisani tfaċċa siegħa tard bil-Qorti tgħajjatlu tliet darbiet f’siegħa u l-Maġistrat jikkummenta li forsi Pisani kien qed jiekol sandwich tal-majjal. Ilbieraħ, Pisani u sħabu kienu qed iqassmu sandwiches tal-majjal lil dawk li kienu għaddejjin minn quddiemhom qabel indirizza protesta kontra l-fatt li Musulmani qed jitolbu barra l-knisja parrokkjali tal-Imsida.

Il-ħobż tqassam bħala “turija ta’ solidarjetà” ma’ studenti fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar li skont l-Għaqda mhux jitħallew jieklu ħobż bil-majjal minħabba studenti Musulmani. L-allegazzjoni ta’ Pisani ġiet miċħuda mill-ewwel mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u mill-ogħla uffiċjali tal-iskola.

Meta Pisani deher fl-awla, il-Maġistrat avżah li għat-tip ta’ taħrika li ressaq kien jeħtieġ dik kriminali permezz ta’ avukat taħt il-liġi tal-Istampa, u mhux rapport lis-Cybercrime Unit u għalhekk ħeles lil Vella mill-akkużi kontrih.

L-avukat Quentin Tanti deher għall-akkużat.