Wara l-inċidenti li nqalgħu lbieraħ fil-konfront tal-media, waqt protesta li saret fl-Imsida mill-Għaqda Patrijotti Maltin, l-Istitut Ġurnalisti Maltin (IĠM) fi stqarrija qal li qed jistenna li jittieħdu passi kontra min xekkel il-ħidma tal-ġurnalisti li kienu qed jagħmlu xogħolhom waqt il-protesta.
Fl-istqarrija jingħad kif għal darb’oħra membri tal-media lokali reġgħu ġew imfixkla milli jagħmlu x-xogħol tagħhom, hekk kif waqt il-protesta, persuna li kienet qed tieħu sehem xekklet ix-xogħol tal-ġurnalisti u cameraperson.
Fl-istqarrija, maħruġa mis-Segretarju Informazzjoni tal-IĠM Roderick Agius, jingħad kif filwaqt li l-Istitut jikkundanna bil-qawwa kollha din l-imġieba repetittiva li thedded il-libertà tal-ġurnalisti fil-qadi ta’ dmirijiethom, jinnota b’mod pożittiv l-azzjoni li ħadet il-Pulizija bl-arrest tal-persuna involuta, kif ukoll id-diżassoċjazzjoni tal-Għaqda Patrijotti Maltin mill-persuna arrestata.
L-IĠM qal li jistenna li l-awtoritajiet konċernati jieħdu l-passi skont il-Liġijiet ta’ Malta kontra min hu involut. Dan minħabba li meta jkun qed jixxekkel ix-xogħol tal-membri tal-media, tkun qed tinkiser il-Liġi, li tisħaq fuq il-libertà tal-istampa.
Fl-istqarrija, l-IĠM ħa wkoll l-opportunità biex jerġa’ jressaq ‘il quddiem il-proposta li diġà ressaq lill-Ministeru tal-Ġustizzja ħalli f’okkażjonijiet partikolari bħal dawn, ikun hemm Uffiċjal tal-Pulizija assenjat mal-membri tal-media, anke bħala punt ta’ referenza.
//= $special ?>

