Il-Prim Ministru Ingliż, David Cameron, qal li minn issa ’l quddiem, l-immigranti se jkollhom sentejn u nofs biex jitgħallmu jitkellmu bl-Ingliż inkella kienu se jkunu ddeportati mill-pajjiż.
Hu żied ukoll li kien totalment kontra li n-nisa Musulmani jgħattu wiċċhom meta jmorru fi skola jew il-qrati u f’postijiet fejn hemm regoli dwar l-ilbies.
Il-Prim Ministru Ingliż ammetta li ċerti miżuri li kellu l-intenzjoni jdaħħal il-Gvern tiegħu kienu se jwasslu biex xi familji jinfirdu tant li tfal ikunu separati mill-ġenituri tagħhom jekk ma jimxux skont ir-regoli.
Hu qal dan waqt il-programm ‘Today’ fuq ir-radju tal-BBC.
Cameron ukoll ikkritika lil dawk l-irġiel Musulmani li kienu jimponu ħafna restrizzjonijiet fuq in-nisa, fosthom li jridu jkunu akkumpanjati kull fejn imorru minn raġel, li hu ddeskriva bħala segregazzjoni. Hu qal li affarijiet bħal dawn kienu inaċċettabbli fir-Renju Unit, f’pajjiż li hu kburi bil-valuri tiegħu tal-libertà u t-tolleranza.
Cameron wissa li dawk in-nies li qed imorru biex jgħixu fir-Renju Unit kellhom ir-responsabbiltajiet tagħhom ukoll.
Linja iebsa ta’ Cameron kontra l-immigranti
