Lokali Parlament

Ma jgħidx għaliex ħatar inkjesta dwar każ ta’ attentat ta’ suwiċidja wara biss li kien żvelat fil-media

Il-Ministru Abela lanqas ma jgħid meta sar jaf bil-każ

Il-Ministru Carmelo Abela ma qalx fil-Parlament meta sar jaf dwar l-attentat ta’ suwuċidja li seħħ fil-5 ta’ Jannar li għadda meta l-persuna kienet taħt arrest. Kien biss wara li dan il-każ kien żvelat fil-media li tħabbret inkjesta dwar dan il-każ meta kienu diġà seħħew fl-aħħar tliet xhur tliet każi oħrajn ta’ suwiċidja fil-kustodja tal-Puliizja.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, li hu wkoll ix-Shadow Minister għall-Intern, staqsa llejla fil-Parlament lill-Ministru għall-Intern Carmelo Abela jgħid għaliex il-ġimgħa li għaddiet fi stqarrija ministerjali fil-Parlament dwar l-aħħar każ ta’ suwiċidja li seħħ fil-kustodja tal-Pulizija fil-bidu tas-sena, m’għamel ebda referenza għal dan il-każ serju ta’ attentat ta’ suwiċidja li l-media rrappurtat.

Staqsa wkoll lill-Ministru jgħid għaliex infetħet investigazzjoni interna dwar l-attentat ta’ suwiċidju tal-5 ta’ Jannar 2016 wara biss li din l-aħbar ġiet żvelata fil-media u mhux qabel.

L-Oppożizzjoni kkritikat ukoll lill-Gvern li mhux qiegħed jinvestiga t-tliet każi ta’ suwiċidja li seħħew fil-kustodja tal-Pulizija fl-aħħar tliet xhur, iżda dak biss li seħħ f’Monte Carmeli.
Ft-tweġiba tiegħu, il-Ministru Abela fakkar fl-appell li kien għamel fil-Parlament biex il-Parlament, il-pubbliku u l-media jkunu kawti f’qasam delikat bħal dan.

Spjega wkoll ir-rimarka li kien għadda fil-Parlament meta qal li każi ta’ attentati ta’ suwiċidja huma każi li jinqalgħu, u spjega li dan ma kienx kumment li jiġġustifika li jsiru dawn il-każi. Irrimarka wkoll li dawn huma każi li rridu noqogħdu attenti kif nittrattawhom, iżda mhux il-każ li jiġu mgħottija.

Fisser ukoll li mis-sena 2010 s’issa saru 16-il każ ta’ attentat ta’ suwiċidu jew self harm, għaxra minnhom qabel Marzu tal-2013. Saħaq li l-Ministeru qed jimxi b’kawtela mhux biex iżomm xi ħaġa mistur iżda għax għaddejja inkjesta Maġisterjali.

Għal din it-tweġiba, Beppe Fenech Adami kkritika lill-Gvern li mhux qed jiġu investigati l-każi kollha ta’ suwiċidja iżda biss dak li seħħ f’Monte Carmeli.

Il-Ministru Abela qal ukoll li ħatar bord biex fi żmien tmien ġimgħat jirrakkomanda x’titjib għandu jsir fil-lock-up tal-Pulizija fid-depot u x-xogħlijiet li hemm bżonn fil-forensic ward f’Monte Carmeli u qal li se jistenna r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Bord.