Internazzjonali Lokali

Is-Serb li nħeles mil-Libja u nġieb Malta kien miżmum taħt kundizzjonijiet ħżiena ħafna

Is-Serb Babic Radoslav Srja, li kien ilu maħtuf fil-Libja minn Marzu qabel inħeles u ntbagħat lejn Malta t-Tlieta li għadda, kien miżmum taħt kundizzjonijiet kważi impossibbli li wieħed jgħix fihom.

Is-Serb inħeles flimkien mal-Awstrijak Alexander Hass. It-tnejn li huma, ħaddiema tal-kumpanija Argus Security fil-Libja, li tqabbdet biex toffri servizzi ta’ sigurtà mill-kumpanija Taljana ENI, kienu nħatfu minn grupp armat f’Sabratha. Mal-ħelsien, huma nġiebu Malta qabel komplew il-vjaġġ lejn pajjiżhom.

Skont il-Prim Ministru Serb Aleksandar Vucic, f’anqas minn sitt xhur Babic tilef 20 kilo u saħansitra qatta’ xi żmien rikoverat fl-Isptar tal-Ħabs fejn kien miżmum.

Spjega li fil-Libja għad fadal maħtufa żewġ persuni oħra ta’ nazzjonalità Serba, filwaqt li ddikjara li pajjiżu se jkompli jaħdem mas-Servizzi Sigrieti Maltin, Amerikani, Britanniċi u Franċiżi, li ddeskrivihom bħala ħbieb, bl-għan li dawn ukoll jinħelsu.

Iż-żewġ persuni, impjegati tal-Ambaxxata Serba, inħatfu f’Novembru li għadda f’Sabratha wkoll u mill-informazzjoni li għandu l-Gvern Serb għadhom ħajjin u jinsabu tajbin. Madankollu mhux magħruf meta dawn se jinħelsu.

Vucic kompla li kull sitt ijiem, il-Gvern immexxi minnu qed jirċievi ritratti ġodda biex jikkonfermaw li t-tnejn huma f’kundizzjoni tajba. Sabratha hi meqjusa bħala fortizza tal-estremisti fil-Libja, tant li dawn huma biss tnejn minn numru ta’ każi oħra riċenti ta’ Ewropej li nħatfu minn gruppi armati fl-istess belt.