Qed ikun imbassar li matul din is-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) jilqa’ madwar 4.7 miljun passiġġier.
Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet, li matulha kien spjegat kif matul is-sena li għaddiet l-MIA laqa’ aktar minn erba’ miljun passiġġier. Barra minhekk, matul din is-sena se jibdew jaħdmu wkoll tliet linji tal-ajru ġodda: Volotea, Iberia Express u Czech Airlines.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat ukoll kif għal din is-sena, l-Ajruport għandu pjanijiet ta’ investiment li hu ppjanat li jlaħħqu t-€78 miljun, €40 miljun minnhom fi SkyParks 2, €28 miljun fl-espansjoni tat-Terminal u €9.8 miljun f’nefqa kapitali għal matul is-sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg qal li matul din is-sena, il-linja tal-ajru EasyJet se tibda topera lejn Ġinevra, filwaqt li Ryanair se tkun qed tespandi l-operat tagħha permezz ta’ 10 rotot fis-Sajf.
Spjega li se jkunu qed jiżdiedu wkoll titjiriet lejn Ateni, Budapest u Ħelsinki, permezz ta’ Aegean, Wizzair u Finnair rispettivament, li huma linji tal-ajru relattivament ġodda għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
//= $special ?>

