Wara ż-Żonqor f’Marsaskala, issa tista’ tinqered ukoll żona oħra tal-istess lokalita’, din id-darba l-ponta tal-Munxar fejn bħalissa hemm għelieqi li fil-maġġoranza tagħhom jintużaw għall-għalf tal-annimali.
L-applikazzjoni li tressqet quddiem il-MEPA hi għal proġett ta’ agri turiżmu, b’numru ta’ akkomodazzjonijiet, razzett agro turistiku, ristorant u li jinkludi wkoll swimming pool, beach club u saħansitra vjaġġi bid-dgħajjes u ħanut għall-prodotti tal-istess żona.
Bħala parti mill-proġett, is-sidien qed iħarsu lejn il-possibilta’ li jinkludu wkoll kmamar għall-attivitajiet, serer u faċilita’ fejn wieħed ikun jista’ josserva l-għasafar. Dan minbarra fitness centre, saloon għat-trattamenti tas-sbuħija u wine bar.
Iż-żona tal-iżvilupp tifrex fuq 80,000 metru kwadru li ż-żona tan-naħa tal-baħar hi skedata Livell 2 ta’ mportanza xjentifika u l-parti ta’ ġewwa skedata Livell 3.
L-art xorta se tibqa’ tintuża għal skop agrikulturali, iżda minflok għall-għalf tal-annimali, l-art se tintuża għal prodotti oħra u mistenni li jiġu skavati żewġ sulari taħt l-art.
//= $special ?>

