Internazzjonali

Abbundanza ta’ żejt li tista’ ‘tgħarraq is-suq’

L-International Energy Agency (IEA) qed tistenna li d-dinja tkompli tara abbundanza eċċessiva taż-żejt matul is-sena u meta mhemmx daqstant tamiet li s-sitwazzjoni tinbidel.

Din l-aġenzija, li hi bbażata f’Pariġi u li sservi bħala osservatur għall-Istati konsumaturi taż-żejt, irreferiet għat-tneħħija tas-sanzjonijiet internazzjonali fuq l-Iran wara li dan il-pajjiż irrispetta l-kriterji tal-patt nukleari milħuq mal-potenzi tad-dinja u li jfisser li l-Iran se jirritorna bħala esportatur taż-żejt ewlieni.

Kelliema għall-IEA ikkummentaw li r-ritorn tal-Iran fis-swieq kien inevitabbbli u li hemm inċertezzi kbar dwar il-kwalità u l-kwantità taż-żejt li dan il-pajjiż li jista’ joffri lis-swieq fil-futur qarib. Issemmiet ukoll l-isfida konsiderevoli li jinstabu xerrejja lesti li jinvestu u jdaħħlu aktar żejt f’suq fejn il-kwantità hi diġà bil-wisq ogħla mid-domanda.

Sadanittant, il-prezz taż-żejt kompla jonqos b’ritmu konsistenti fost l-inkwiet li s-surplus tar-riżors se jkompli jiżdied bis-sehem tal-Iran fis-swieq internazzjonali. Fl-aħħar sigħat, il-prezz tal-Brent Crude niżel għal anqas min $28 il-barmil li hu l-inqas livell mill-2003 u biex kompliet in-niżla fil-valur taż-żejt li ilha tispikka minn Ġunju tal-2014.

Fl-istess ħin m’hemm l-ebda indikazzjoni li l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u produtturi kbar oħra taż-żejt mhumiex se jkomplu jinsistu għal produzzjoni rekord biex jipproteġu s-sehem tagħhom fis-suq.

L-IEA, fil-fatt, tagħmilha ċara li l-provvista taż-żejt fuq livell dinji tista’ teċċedi d-domanda b’1.5 miljun barmil kuljum fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Il-kelliema għall-aġenzija wissew li jekk is-sitwazzjoni ma tinbidilx, is-suq taż-żejt jista’ ‘jegħreq’ fi kwantitajiet żejda tar-riżors.

Giovanni Staunovo, li hu analista mal-UBS Group, fi Zurich, qal li l-potenzjal li l-Iran iżid il-produzzjoni taż-żejt ma setax jasal fi żmien aktar sfavorevoli, minħabba l-kwantità eżaġerata taż-żejt fis-swieq.

Fil-fatt, is-surplus globali taż-żejt, ikkalkulat minn ġurnata għal oħra, serva biex il-prezz taż-żejt jonqos b’aktar minn 75 fil-mija min-nofs l-2014 ‘il hawn. Fl-istess ħin, il-prezz taż-żejt naqas b’aktar minn 25 fil-mija mill-bidu ta’ din is-sena.