Qorti

Appartamenti użati minn Musulmani għat-talb “bla permess”

Appartamenti f’Tas-Sliema u f’San Pawl il-Baħar, li fl-2009 intużaw minn Musulmani għat-talb, kienu mingħajr il-permessi meħtieġa.

Hekk spjega quddiem l-Imħallef Silvio Meli fil-Qorti, Dr Oliver Magro, rappreżentant legali tal-MEPA, fix-xhieda f’kawża Kostituzzjonali li sitt Musulmani fetħu kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u ċ-“Chairman” tal-MEPA, jargumentaw li l-avviż ta’ infurzar li kien inħareġ kontrihom kien jikser id-drittijiet tagħhom kif stabbiliti mill-Konvenzjoni Ewropea.

Ir-rappreżentant legali tal-MEPA spjega li l-appartamenti kellhom permess ta’ residenza, mhux biex ilaqqgħu grupp ta’ nies u li f’dan il-każ kien ikun meħtieġ tip ieħor ta’ permess.

Avukat ieħor, Ian Borg, li qed jidher għall-MEPA, spjega li laqgħa ta’ talb kull tant ma teħtieġx permessi imma jekk it-talb isir fuq bażi regolari, ikun meħtieġ liċenzja tkun xi tkun l-għaqda jew ir-reliġjon. Spjega li kien għalhekk li l-MEPA ħarġet avviż ta’ infurzar fuq iż-żewġ appartamenti. Qal ukoll li wara li nħareġ l-avviż, iż-żewġ appartamenti ma baqgħux jintużaw għat-talb.

L-avukat Joe Brincat qed jidher għal Toutoungi Mouwafak, Tariq Razee Hidayathullah, Haroun Ali, Mouhanad Toutoungi, Elkatwy Houssein Ahmed Hussein u Ashraf Abde Azzedine, waqt li l-avukat Victoria Buttigieg qed tidher għall-Kummissarju tal-Pulizija. Il-kawża tkompli f’Marzu.