L-ekonomija taċ-Ċina kibret b’6.9 fil-mija fl-2015 iżda r-rata tal-iżvilupp hi l-aktar waħda baxxa għal kwart ta’ seklu. L-iżvilupp ekonomiku taċ-Ċina, fis-sena ta’ qabel, kien ta’ 7.3 fil-mija u l-investituri barranin qegħdin jevalwaw is-sitwazzjoni b’ansjetà peress li l-iżvilupp taċ-Ċina jitqies bħala mutur ewlieni tal-ekonomija tad-dinja.
Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) qal li jistenna li l-ekonomija taċ-Ċina tikber b’6.3 fil-mija din is-sena u b’sitta fil-mija fl-2017. Dan meta l-awtoritajiet f’Beijing kienu ffissaw il-mira ta’ żvilupp uffiċjali madwar is-seba’ fil-mija.
Il-Prim Ministru taċ-Ċina, Li Keqiang, iqis li r-rata ta’ żvilupp aktar baxxa għandha tkun aċċettabbli dment li jinħolqu biżżejjed impjiegi. Madankollu, xi osservaturi qalu li l-iżvilupp taċ-Ċina hu bil-wisq aktar dgħajjef milli tissuġġerixxi l-istatistika uffiċjali, għalkemm l-awtoritajiet f’Beijing ċaħdu li ċ-ċifri ppreżentati jistgħu huma mbagħbsa b’mod li ma jirriflettux il-verità.
//= $special ?>