Jaħrab u ma jweġibx fil-Parlament mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ma ngħatax risposta mill-Ministru Owen Bonnici meta fil-Parlament talbu jgħid għaliex żamm lill-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit bħala Kap tal-Aġenzija dwar l-Infurzar Lokali meta hu kien involut f’diversi skandli li ma jagħmlux ġieħ din il-kariga.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentarii, illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa lill-Ministru jagħti spjega kif qiegħed iżomm bħala Kap tal-Aġenzija lil Ray Zammit meta dan tneħħa wara l-cover-up li kien hemm tal-eksxufier tal-eks Ministru Manuel Mallia, instab li l-familjari ta’ Ray Zammit kienu involuti f’negozju ma’ Gaffarena li wkoll hu involuti fi skandli kbar, u akkwista tliet plots għal €18,000.
Simon Busuttil qal li dawn kollha jagħtu messaġġ ċar li l-aħħar ħaġa li jista’ jiġi fdat biha hi li jinforza l-liġi. Staqsa kif jista’ l-Gvern iżomm lil Ray Zammit f’post meta wera li mhux għall-altezza tal-kariga.
Il-Ministru Bonnici ma ta ebda spjegazzjoni u ma weġibx il-mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni u minflok tkellem dwar ix-xogħol tal-politiku li jispjega l-fatti anke fejn huma fatti ta’ interess nazjzonali.
Hu qal li dan għamlu mal-ġurnalisti f’attività li fakkret l-ewwel mitt ġurnata tal-Aġenzija mwaqqfa b’rabta mal-gwardjani lokali. Dakinhar qal li kien wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti għalkemm ammetta li tista’ taqbel jew ma taqblx magħhom.
Il-Ministru Bonnici qal ukoll li dakinhar ta l-ispjegi u l-informazjoni kollha li kellu jagħti.
Għall-mod kif il-Ministru Owen Bonnici għażel li ma jweġibx il-mistoqsija ċara, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li meta membru fil-Parlament jagħmel mistoqsija, hu mistenni dejjem li tingħata tweġiba, u qal li kien għalhekk li qed jerġa’ jagħmel il-mistoqsija, bil-Ministru jibqa’ jirrifjuta li jwieġeb u jitlob lill-Ispeaker li din kienet l-istess mistoqsija li diġà ta spjega għaliha.
//= $special ?>