L-Avukat tal-PBS jammetti li l-messaġġ tal-PM kien reċta
Il-PN qed isostni li l-messaġġ tal-ewwel tas-sena li xxandar mill-Prim Ministru kien wieħed mimli kontroversja politika u għalhekk il-PBS għandu jagħti rimedju għalih.
Din il-pożizzjoni l-PN espriemha waqt laqgħa tal-Awtorità rax-Xandir li fiha kien trattat l-ilment tal-PN biex jingħata rimedju għal dan il-messaġġ. Għall-pożizzjoni tal-PN, il-PBS iddefenda l-messaġġ tal-Prim Ministru, għalkemm ammetta li dan kien messaġġ li kien fih iktar reċtar mill-oħrajn li kienu jsiru qabel.
F’isem il-PN, l-Avukat Francis Zammit Dimech argumenta li l-messaġġ kellu format ta’ riklam politiku bis-sitwazzjoni tal-Prim Ministru jidħol f’dar ta’ koppja, liema sitwazzjoni ma kinitx reali.
Dan il-messaġġ kellu togħma ta’ politika partiġġjana, sostna Francis Zammit Dimech, li semma diversi każi ta’ natura politika kontroversjali li l-messsaġġ daħal fihom. Fost dawn hemm il-kontroversja dwar il-visas u l-permessi ta’ residenza, l-Isptar ta’ Għawdex, il-power station, l-iżvilupp fiż-Żonqor, id-Dipartiment tal-Artijiet, il-qagħad u l-Valletta Summit. Dan flimkien mal-korruzzjoni u anki kritika għall-Oppożizzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li l-PBS mhux stazzjon politiku bħan-NET u l-One u sostna li l-ispots politiċi jkunu skedati mill-Awtorità tax-Xandir u mhux jiddaħħlu fil-format tal-messaġġ tal-ewwel tas-sena kif għamel il-Prim Ministru.
F’pajjiżi demokatiċi m’hemmx ir-regola li fil-messaġġ tal-ewwel tas-sena, il-Prim Ministru jitkellem bil-mod kif tkellem Joseph Muscat.
Zammit Dimech kompla li fi żmien Gvern Nazzjonlista, l-messaġġi tal-ewwel tas-sena kienu jkunu marbuta anki mal-Milied biex ikun hemm messaġġ inklussiv u mhux partiġġjan.
Fit-tweġiba f’isem il-PBS, l-Avukat Mark Vassallo qal li l-PBS m’għandux linji gwida dwar dawn il-messaġġi tal-ewwel tas-sena u appella lill-Awtorità tax-Xandir biex tfassal dawn il-linji gwida. L-Avukat Vassallo sostna li r-rwol tal-PBS hu biss li jara jekk fil-messaġġ tal-ewwel tas-sena hemmx dikjarazzjonijiet illegali fil-kontenut. Wara li jkun ikkonfermat dan, il-PBS joħroġ il-messaġġ għaliex fil-passat dawn kollha kienu fuq l-istess linja politika.
L-Avukat tal-PBS sostna li l-messaġġ ta’ Joseph Muscat kellu biss l-istil differenti, għalkemm kien fih iktar xinxilli u reċtar. Iżda għall-PBS hu l-messaġġ li jgħodd, sostna l-Avukat Vassallo, li pparaguna wkoll il-messaġġ ta’ Joseph Muscat ma’ dak tar-Reġina tar-Renju Unit. Fit-tweġiba tiegħu f’isem il-PN, Francis Zammit Dimech qal li l-Awtorita tax-Xandir għandha tistabbilixxi jekk is-suġġetti li dwahrom tkellem il-Prim Ministru humiex ta’ natura politika kontroversjali u li għandux ikun hemm tweġiba għalihom. Francis Zammit Dimech qal li l-PBS għandu jagħti rimedju għaliex il-messaġġ tal-Prim Ministru kien wieħed partiġġjan
//= $special ?>

