Anke fl-aħħar tliet xhur tas-sena, l-ammont ta’ vetturi fit-toroq Maltin komplew jiżdiedu.
L-NSO qal li fl-aħħar kwart tas-sena, il-vetturi żdiedu b’0.7% fuq it-tliet xhur ta’ qabel għal total ta’ 346,918.
Minn dawn, 79.4% kienu karozzi tal-passiġġieri, 13.7% vetturi kummerċjali u 5.8% muturi. Xarabanks u minibuses kienu jiffurmaw inqas minn 1% tal-vetturi kollha liċenzjati f’Malta. 60.6% tal-vetturi kollha liċenzjati f’Malta għandhom magna petrol u 39% għandhom magna diesel.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li kull kwart tas-sena, minn Jannar 2013 ’il quddiem, l-ammont totali ta’ vetturi liċenzjati f’Malta żdied kull tliet xhur. Bejn Jannar u Marzu tal-2013, l-ammont totali ta’ vetturi f’Malta kien ta’ 315,875. Dan ifisser li f’inqas minn tliet snin, l-ammont ta’ vetturi liċenzjati fil-pajjiż żdied b’31,043 jew kważi 10%.
L-NSO qal ukoll li fl-aħħar kwart tas-sena ħarġu 5,445 liċenzja ġdida, li 3,103 minnhom kienu vetturi użati u 2,343 biss kienu ġodda. 4,360 jew 80.1% mil-liċenzi totali kienu għal karozzi tal-passiġġieri waqt li 528 kienu għal muturi.
Fl-istess tliet xhur tas-sena kien hemm 106 vettura li ġew esportati u 2,139 li ġew skreppjati.
//= $special ?>

