Ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenerali li investiga l-każ marbut mal-iskandlu ta’ Gaffarena u trasferiment ta’ artijiet li għandu jitressaq fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati għada l-Erbgħa, ma spiċċax f’idejn il-media minn xi membru tal-Uffiċċju tal-Awditur.
Investigazzjonijiet li saru l-aħħar 24 siegħa mill-istess Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenenrali li analizza u investiga kif il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapport, li għadu se jitressaq fil-Parlament, spiċċa f’idejn il-media u xi esponenti politiċi, juru li l-informazzjoni ppubblikata turi li r-rapport ma spiċċatx għand il-media u l-esponenti politiċi minn xi membru tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur.
Dan ġie komunikat lill-Parlament illejla fil-bidu tas-seduta tal-lejla, f’deċiżjoni li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia wara li lbieraħ filgħaxija kien mitlub mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jinvestiga kif il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur kien “leaked” u ppubblikati fil-gazzetta The Times.
Ir-rapport li se jiġi ppreżentat fuq il-Mejda tal-Kamra għada, jittratta l-każ marbut mal-iskandlu ta’ Gaffarena u trasferiment ta’ artijiet u l-involviment tal-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon talab ilbieraħ li ssir investigazzjoni f’ittra li bagħat lill-Ispeaker ilbieraħ stess ftit minuti qabel ma bdiet is-seduta parlamentari.
L-Ispeaker iddikjara li hu ġie biss infurmat li r-rapport mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali se jitressaq fil-Parlament l-Erbgħa ta’ din il-ġimgħa, u fisser li kien se jgħaddi l-ittra lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jinvestiga t-talba tas-Segretarju Parlamentari. Matul il-ġurnata tal-lum, l-Ispeaker iltaqa’ kemm mal-Awditur kif ukoll mad-Deputat Awditur b’rabta mat-talba tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
Fl-istess ġurnata li għada mistenni jitressaq fil-Parlament ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenerali li investiga l-każ marbut mal-iskandlu ta’ Gaffarena u trasferiment ta’ artijiet, hu mistenni li l-Prim Ministru jħabbar bidliet fil-Kabinett.
//= $special ?>