It-Taljan Aniello Fariello, li lbieraħ filgħodu tilef ħajtu f’inċident li seħħ fit-Tarzna ta’ Palumbo, illum kien se jagħlaq 28 sena. Hu wasal Malta ftit tal-jiem ilu biex jaħdem xogħol ta’ Inġinerija, kif dejjem xtaq jagħmel minn meta kien żgħir.
Hekk qed jirrapportaw il-ġurnali Taljani wara l-inċident tal-bieraħ, li mmarka l-ewwel traġedja fil-post tax-xogħol għall-2016, meta Fariello ntlaqat f’rasu minn parti ta’ magna li kienet qed tintuża’ biex tħoll ċima ħalli jintrabat vapur tal-passiġġieri li ddaħħal fit-Tarzna.
Wara l-mewt ta’ missieru ftit tas-snin ilu, iż-żagħżugħ Taljan kien jgħix ma’ ommu fil-villaġġ ta’ Pisciotta, li jifforma parti minn Salerno. Wara li temm l-istudji tiegħu, hu daħal jaħdem mal-kumpanija Palumbo, li għandha wkoll fergħat fl-Italja u fi Franza. Il-ħidma tiegħu f’pajjiżna kienet l-ewwel waħda għalih fl-Inġinerija.
Il-katavru ta’ Fariello għadu ma ġiex rilaxxat, hekk kif għadha għaddejja l-Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud. Mal-aħbar tat-traġedja, f’pajjiżna waslu zitu u kuġintu, hekk kif hu wild uniku ta’ omm li hi għalliema fi Skola Primarja.
//= $special ?>

