Il-gruppi rivali tal-Libja ħabbru Gvern għall-għaqda f’pajjiżhom li qegħdin jittamaw li jrażżan il-konflitt u l-kaos li ilhom jiddominaw il-Libja mill-aħħar xhur tar-reġim tal-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi. L-aħħar żvilupp isegwi l-iffirmar tal-ftehim ta’ Diċembru li għadda li kien seħħ fi Skhirat, fil-Marokk.
Il-Kunsill Presidenzjali għal-Libja Magħquda, li jiltaqa’ fit-Tuneżija, qal lill-ġurnalisti li sar qbil dwar Kabinett ta’ 32 Ministru minn madwar il-Libja. Il-Kabinett għandu jinkludi rappreżentanti miż-żewġ Parlamenti rivali tal-Libja, jiġifieri dak ta’ Tobruk li jgawdi għarfien internazzjonali u l-Parlament ta’ Tripli li hu appoġġjat mill-Iżlamiċi. Se jkunu inklużi wkoll fil-Kabinett delegati minn gruppi oħrajn.
Il-ftehim hu parti minn proċess appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti li kienu ċaħdu għalih membri taż-żewġ gruppi ewlenin tal-Libja.
Mhux ċar, sadanittant, fejn il-Gvern ġdid Libjan għall-għaqda nazzjonali se jkun ibbażat inkella jekk jistax, fil-fatt, jiggverna l-Libja. Madankollu, in-NU wkoll ikkonfermat l-istqarrija tal-Kunsill Presidenzjali għal Libja Magħquda, bir-Rappreżentant Speċjali tan-NU Martin Kobler jibgħat messaġġ biex jifraħ lill-poplu Libjan.
Kobler sejjaħ biex il-Parlamenti Libjani rivali jaċċettaw il-Gvern ġdid għall-għaqda anki jekk anqas min-nofs id-deputati ffirmaw il-ftehim. Hu ttamat li l-ftehim jgħin itemm il-gwerra fil-Libja li ilha maqsuma fuq linji politiċi fost diżgwid bejn it-tribujiet lokali.
//= $special ?>