Promozzjoni b’sorpriża hekk kif qabżet il-grad ta’ Assistant Manager bi spejjeż ta’ impjegati oħrajn fl-MTA
Kuġina ta’ konsulent tal-Prim Ministru li dan l-aħħar kien involut f’diversi kontroversji, ingħatat promozzjoni u minn Executive Secretary fl-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu f’sentejn saret Manager dwar l-Affarijiet marbuta mal-Unjoni Ewropea.
Dan kien żvelat mid-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, meta fil-Parlament tkellem u elenka n-nuqqasijiet kbar li hemm fit-tmexxija tar-riżorsi umani fl-MTA.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-turiżmu, Antoine Borg spjega li l-Oppożizzjoni mhix kontra li persuna timxi ‘l quddiem fil-karriera tagħha, iżda dan irid ikun avvanz ġustifkat u b’ġustizzja.
Iżda fisser li l-promozzjoni li ngħatat il-kuġina tal-konsulent tal-Prim Ministru, kienet ta’ sorpriża kbira għal ħafna, u qabżet il-grad ta’ Assistant Manager, u għamlet dan bi spejjeż ta’ impjegati oħrajn fl-MTA.
Filwaqt li esprima solidarjetà mal-persuni li nqabżu, appella li din il-persuna issa ċċaqlaq l-affarijiet biex il-Gvern jaġixxi biex jutilizza l-fondi Ewropej biex joħorġu skemi favur ir-riżorsi umani. Fisser ukoll li din il-promozzjoni hi xhieda tal-mod kif qed isiru l-affarijiet fl-MTA. Semma wkoll każ ta’ direttur fl-MTA li m’għandha vuċi ta’ xejn u li ma tikkomunikax mal-ħaddiema fl-MTA, bil-ħaddiema jisru jafu l-informazzjoni mill-media u mill-politiċi.
It-tielet Chief of Staff tal-Ministru jirriżenja u jmur lura l-MTA
Semma kif iċ-Chief of Staff tal-Ministru, li hu t-tielet wieħed taħt dan il-Gvern, u li qabel mar Chief of Staff kien Manager fl-MTA u fl-aħħar ġimgħa sar Senior Manager, illum irriżenja mill-Ministeru u mar lura fl-MTA bi rwol li s’issa mhux definit.
Ikkritika lill-Gvern li f’kuntrast maċ-ċaqliq li sar biex jiġi akkomodat iċ-Chief of Staff tal-Ministru, kienu rifjutati talbiet ta’ impjegati oħrajn li riedu jiċċaqilqu fl-MTA f’osqma fejn kien hemm il-ħtieġa.
Jiddaħħlu sitt impjegati oħrajn iżda jitwaqqfu ħaddiema bit-telework
Antoine Borg qal li filwaqt li dan juri nuqqas ta’ konsistenza, qiegħed ukoll jintbagħat messaġġ ħażin dwar kif isiru l-affarijiet – bi gvern laxk min-naħa l-oħra biex jimpjega aktar meta daħħal sitt impjegati bla ebda sejħa pubblika – żewġ skrivani, żewġ senior clerks, maintenance officer u xufier/messaġġier.
Semma wkoll kif twaqqfu għadd ta’ ħaddiema fuq kundizzjonijiet flessibbli ta’ telework, u dan sar mingħajr ma ngħatat ebda kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi ta’ dawn in-nies.
Fl-istess waqt, kompla Antoine Borg, jingħataw impjiegi mingħajr sejħiet ta’ applikazzjonijiet, impjegati oħrajn jitħallew iduru għadd ta’ sezzjonijiet fl-MTA filwaqt li oħrajn ma jingħatawx l-istess opportunitajiet.
Wieqaf il-Product Department tal-MTA
Semma li kullimkien ingħataw promozzjonijiet, minbarra fil-Product Department tal-MTA li jinsab wieqaf. Ikkritika li mhux qiegħed isir investiment fir-riżorsi umani fis-settur tal-prodot turistiku u appella għal azzjoni biex isir l-istrutturar meħtieġ biex il-prodott turistiku jiġi żviluppat, u biex ikun hemm konsistenza fit-tmexxija tal-ħaddiema fl-MTA.
Il-ħaddiema tal-MTA ma jafux fejn se jkunu rilokati
Semma wkoll ir-rilokazzjoni tal-MTA u qal li l-ħadidema tal-MTA huma mġassba u ilhom jistaqsu xhur sħaħ, anke permezz tal-union tagħhom, dwar minn fejn se taħdem l-MTA, u dwar x’se jsir mill-bini preżenti tal-MTA fi Triq il-Merkanti fil-Belt.
Id-Deputat Nazzjonalista rrimarka li għall-ħaddiema tagħmel differenza minn fejn se jkunu qed jaħdmu, u jekk il-post hux se jkun minn Smart City.