Internazzjonali

L-Iraq: ‘Vittmi ċivili ta’ vjolenza inkredibbli’

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li ċ-ċivili fl-Iraq qegħdin ibatu minn vjolenza sistematika ‘u inkredibbli’, b’tal-anqas 18,800 jispiċċaw maqtula fil-pajjiż bejn l-1 ta’ Jannar tal-2014 u l-31 ta’ Ottubru li għadda.

Ir-rapport ġdid isostni li xi 3.2 miljun spiċċaw ‘refuġjati interni’ fl-istess perjodu. Sadanittant, in-NU akkużat lill-ISIS li qed jokkupa artijiet fl-Iraq dwar vjolenza wiesgħa u fejn, fost oħrajn, ‘eluf ta’ nisa u tfal qed jinżammu bħala skjavi’. L-istess rapport, jirreferi għal allegati abbużi minn truppi, membri ta’ milizzji u qawwiet tal-Kurdi fl-Iraq.

Il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet Umani, Zeid Raad Al Hussein qal li r-rapport juri ‘orrur ta’ veru u r-raġuni għalfejn ir-refuġjati Iraqqin qed jippruvaw jaħarbu lejn l-Ewropa u reġjuni oħra.’ Ir-rapport imħejji mill-United Nations Assistance Mission for Iraq u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet Umani jibbaża fuq xhieda diretta ta’ vittmi tar-reati kontra d-drittijiet tal-bniedem inkella minn persuni li kienu preżenti waqt diversi atroċitajiet.

Sadanittant, iċ-ċifra tat-18,802 ċivili maqtula u 36,245 midruba bejn l-1 ta’ Jannar tal-2014 u l-31 ta’ Ottubru tal-2015 tista’ tkun bil-wisq ogħla mill-istatistika pprovduta.

Iċ-ċifri mill-provinċja ta’ Anbar – li ħafna minnha hi kkontrollata mill-ISIS — b’mod partikolari jistgħu ma jirriflettux il-vera sitwazzjoni umana fl-inħawi speċifiċi.

Madwar nofs l-imwiet irreġistrati kienu fil-provinċja ta’ Bagdad waqt li l-użu tal-isplussivi ssemma bħala ‘l-aktar tattika qattiela fil-konfront ta’ ċivili fl-Iraq’.