Ambjent Lokali

Muscat jaħseb f’tal-qalba biss – permess ta’ villa għall-qarib ta’ Konsulent tiegħu

Jumejn wara li ġiet żvelata l-istorja dwar il-każ serju u gravi tat-tifla tal-eks Deputat Laburista Bertu Pace, li hu l-Konsulent tas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, il-Gvern għadu sieket quddiem allegazzjonijiet serji dwar dokumentazzjoni falza fil-ħruġ ta’ permess biex tinbena villa f’art li hi agrikola.

Il-Prim Ministru Muscat qed jibgħat messaġġ ħażin, li l-Liġi mhux l-istess għal kulħadd. Filwaqt li min hu b’saħħtu jsib lill-kbarat tal-pajjiż jiddefenduh, min hu żgħir jobdi l-Liġi u l-proċessi kollha.

Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Ryan Callus f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha fakkar li l-allegazzjoni żvelata minn The Sunday Times hi dwar dikjarazzjoni li setgħet saret minn persuna li qatt ma kienet Assistant Vet Support Officer mad-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali, fejn intqal li l-binja fl-għalqa kienet razzett. Jekk dan hu minnu, dan il-permess ma messu qatt inħareġ.

Ryan Callus qal li 48 siegħa wara l-pubblikazzjoni tal-istorja, il-Gvern qed jistaħba wara investigazzjoni biex sempliċiment jikkonferma jekk impjegat ħadimx ma’ Dipartiment tal-Gvern fil-kariga ta’ Assistant Vet Support Officer. Staqsa lil min qed jipproteġi Muscat u jistax ikun għax l-applikant hu min hu, jiġifieri viċin ħafna tal-Gvern ta’ Muscat.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, li saret ftit metri bogħod miż-żona agrikola li l-MEPA ħarġet il-permess biex tinbidel f’villa għat-tifla tal-Konsulent ta’ Roderick Galdes, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni rrefera wkoll għall-aħħar żviluppi f’din is-saga, li wasslet għal investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk il-persuna li ffirmat id-dikjarazzjoni li biddlet id-deċiżjoni fl-aħħar siegħa, hux veru kienet taħdem bħala Assistant Vet Support Officer jew le.

Ryan Callus sejjaħ lill-MEPA biex tassigura li, fid-dawl tal-allegazzjonijiet, jieqfu minnufih ix-xogħolijiet li qed jeqirdu 280 metru kwadru ta’ art agrikola biex tiġi żviluppata villa għat-tifla tal-Konsulent ta’ Roderick Galdes. Sostna li l-MEPA għandha tuża’ l-poteri kollha li tippermettilha l-Liġi biex ma tħallix din l-art agrikola tinqered.

Hu appella wkoll lill-Kummissarju tal-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jibda investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li jagħmlu l-permess wieħed skandaluż, filwaqt li sejjaħ lill-awtoritajiet konċernati, inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija, biex jinvestigaw jekk twettaqx reat kriminali f’dak li jista’ jkun dikjarazzjoni falza, fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji żvelati fil-media fil-jiem li għaddew.

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Charlot Cassar qal li dan il-każ hu eżempju klassiku ta’ kif jaħdem Joseph Muscat: min hu b’saħħtu, jabbuża u jbiddel il-Liġijiet skont li jaqbillu għas-skapitu ta’ kulħadd. Hu rrefera għad-diskriminazzjoni li teżisti anke fost il-bdiewa, bil-maġġoranza assoluta tal-bdiewa qed jaraw b’għajnejhom każ klassiku ta’ abbuż sfaċċat u ksur tal-Liġi.

Charlot Cassar sostna li l-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, qed joffri politika differenti minn dik ta’ Joseph Muscat. Filwaqt li Muscat hu b’saħħtu mad-dgħajjef u dgħajjef ma’ min hu b’saħħtu, Simon Busuttil diġà wiegħed politika li tassigura li l-Liġi tkun l-istess għal kulħadd. Sostna li l-awtoritajiet għandhom ikunu hemm biex jassiguraw l-aqwa kwalità ta’ ħajja lill-poplu Malti u Għawdxi, minflok ma jservu bħala paraventu għal min hu b’saħħtu.