Fit-tieni jum tal-Open tal-Awstralja kien hemm l-ewwel sorpriża hekk kif l-eks numru wieħed fid-dinja Rafael Nadal safa eliminat mill-ewwel rawnd meta tilef kontra Fernando Verdasco. Iż-żewġ tennisti Spanjoli kellhom taqtigħa kbira bejniethom u fl-aħħar kien Verdasco li rebaħ bi skor ta’ 7-6 (8-6) 4-6 3-6 7-6 (4-7) 6-2 f’ħin ta’ erba’ siegħat u 40 minuta.
F’kummenti li ta wara l-partita Verdsaco stess qal li lanqas jaf kif rebaħ kontra Nadal, tennista li fis-snin li għaddew kien meqjus fost l-aqwa fid-dinja. Issa fit-tieni rawnd Verdasco jilgħab kontra Dudi Sela tal-Iżrael. Ta min jinnota li bir-rebħa tal-bieraħ Verdasco patta wkoll għat-telfa li kien sofra fis-semi finali tal-istess Open fl-2009 kontra l-istess Nadal. Din kienet biss it-tieni darba li Verdsaco rebaħ kontra Nadal f’16-il konfront bejniethom.
Il-Brittanniku Andy Murray beda fuq nota pożittiva hekk kif faċilment għeleb liż-żgħażugħ Ġermaniż Alexander Zverev bi skor ta’ 6-1 6-2 6-3. Murray issa jmissu jilgħab kontra l-Awstraljan Sam Groth.
Fil-kategorija tan-nisa wkoll kien hemm sorpriża meta r-Rumena Simona Halep tilfet 6-4, 6-3 kontra ċ-Ċiniża Zhang Shuai. Filwaqt li Halep kienet it-tieni tennista seeded f’din il-kompetizzjoni Shuai tinsab fil-133 pożizzjoni f’dawk li huma rankings mondjali. Fi tmiem il-logħba Zhang bdiet tibki bil-ferħ wara li kisbet l-ewwel rebħa tagħha f’Grand Slam.
Sorpriża oħra kienet it-telfa ta’ Venus Williams kontra Johanna Konta. Konta rebħet bi skor ta’ 6-4, 6-2 fi 80 minuta biex issa hi l-unika tennista Brittannika li fadal f’dan l-Open wara li nhar it-Tnejn kienet eliminata Heather Watson.
//= $special ?>