Il-Lukanda Ritz f’Pariġi kmieni dalgħodu nħakmet minn nirien qawwija li iżda, fortunatament, kienu kkontrollati fil-ħin u ma ħallew l-ebda feruta.
In-nirien bdew għall-ħabta tas-6am fis-sular ta’ fuq tal-lukanda ta’ ħames stilel li baqgħet magħrufa bħala l-lukanda fejn il-Prinċipessa Diana qattgħet l-aħħar lejl qabel il-mewta traġika fil-kapitali Franċiża fl-1997. Hemm, hi kienet akkumpanjata mis-sieħeb tagħha Dodi Al-Fayed, iben is-sid tal-Lukanda stess.
Fil-post waslu madwar 60 ħaddiem tat-tifi tan-nar abbord 15-il vettura. Rapporti mill-post qed jgħidu li l-prijorità għas-servizzi ta’ emerġenza kienet li n-nirien jiġu kkontrollati immedjatament.
Fortunatament ħadd ma weġġa’ fil-każ, anke għax il-lukanda bħalissa hi magħluqa għar-residenti. Dan hekk kif kienet għaddejja minn xogħolijiet ta’ rinnovar u kienet mistennija terġa’ tiftaħ aktar tard din is-sena.
Kif waslu r-rapporti dwar in-nirien, il-Pulizija lokali wissiet liċ-ċittadini biex ma jgħaddux minn qrib iż-żona.
Il-Lukanda Ritz hi sinonima ma’ numru ta’ personalitajiet internazzjonali. Minbarra l-Prinċipessa Diana u s-sieħeb tagħha Dodi Al-Fayed, il-Lukanda laqgħet personalitajiet oħrajn fosthom Charles Chaplin, Coco Chanel u anke Ernest Hemingway.
//= $special ?>