Internazzjonali

Tkompli s-sena sewda għall-mużika bit-telfa ta’ Glenn Frey

Is-sena l-ġdida, bla dubju, qed tiżviluppa f’waħda sewda għall-mużika kontemporanja, meta mietu numru ta’ protagonisti u ismijiet famużi ġranet biss ‘il bogħod minn xulxin….Wara l-aħbar riċenti dwar il-mewt ta’ Lemmy tal-grupp Motorhead, Natalie Cole u David Bowie, issa miet Glenn Frey, il-kantant, kitarrist u kompożitur tas-super-group Amerikan, The Eagles, fl-età ta’ 67 sena.

Frey kien waqqaf The Eagles fl-1971, flimkien ma’ Don Henley, Bernie Leadon u Randy Meisner, bil-kumpless mużikali, maż-żmien, jikseb fama bħala wieħed mill-akbar supergruppi li qatt ħareġ mill-Istati Uniti.

Glenn Frey kien protagonista fuq sensiela ta’ suċċessi magħrufa, fosthom il-fenomenali Hotel California (li ikkompona ma’ Henley), kif ukoll fuq kanzunetti bħal Desperado, Lying Eyes u New Kid in Town.

The Eagles biegħu ’il fuq minn 150 miljun album madwar id-dinja, bi Frey ikabbar ir-reputazzjoni bħala wieħed mill-aqwa kitarristi u kompożituri tar-Rock, filwaqt li kiseb ukoll suċċess fi proġetti bħala solista.

Kanzunetti oħra sinonimi ma’ Frey u The Eagles huma The Heat is On, You Belong to The City, Heartache Tonight u Take it Easy.

Il-grupp The Eagles kien infired fl-1980 minħabba li l-pressjoni kienet qed taffettwa wisq lill-membri tal-grupp wara s-suċċess enormi ta’ Hotel California. Iżda Frey, Henley u sħabhom irritornaw bil-kbir fl-1994 bil-comeback album When Hell Freezes Over u fejn, fl-aħħar snin, organizzaw numru ta’ tours u kunċerti madwar id-dinja.