BLOGS

Tradizzjoni ta’ Obeżità

L-approazzjoni unanima mill-istadji kollha tal-Parlament tal-liġi mressqa mill-Oppożizzjoni, liġi dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard iġġib magħha, jekk mhux sodisfazzjon għal nazzjon fil-ġlieda kontra problema li aktarx ma aħniex daqstant konxji minnha imma li għandha tkun daqstant ieħor rikonoxxuta, dibattitu u responsabbiltà fost is-setturi kollha li minn issa ‘l quddiem jeħtiġilhom jikkontribwixxu sabiex nagħtu nifs lill-miżien nazzjonali.

Il-liġi titkellem dwar il-promozzjoni ta’ ħajja aħjar, u bir-raġun kollu meta tqis li Malta hija minn ta’ quddiem nett kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm fl-Ewropa nnifisha fejn tidħol l-istatistika dwar il-piż żejjed jew l-obeżità.

Skont rapporti riċenti tal-WHO, l-organizzazzjoni dinjija tas-saħħa, 30% tal-popolazzjoni dinjija għandha problema li tidħol f’dan il-qafas, u dan skont studji li jikkonfermaw li mill-1980 ‘l hawn, jiġifieri f’perjodu ta’ 30 sena li matulu ftit li xejn kien hemm indikazzjoni ta’ suċċess fost il-maġġoranza tal-pajjiżi, Malta inkluża ovvjament. Għaldaqstant, jidher li l-problema hija appunti fi stili kontemporanji ta’ ħajja li mhix interessata f’bilanċ bejn ikel tajjeb għas-saħħa u eżerċizzju kompatibbli.

Jekk il-ħsieb wara din il-liġi huwa li jkun hemm a whole society approach fejn kull individwu jkun mogħti attenzjoni minn qabel twelidu sal-anzjanità, imma kif ukoll, programm ħolistiku ta’ kif nistgħu nbiddlu mentalità fir-rigward tal-edukazzjoni fiżika, il-liġi tilħaq l-għanijiet tagħha.

Sfortunatament bħal ħafna problemi li jiċċirkundawna bħala Maltin għandhom natura tradizzjonali xxaqleb lejn kulturali fihom. Ma nkunx qed niżbalja jew inkun iperboliku jekk nagħraf li l-ħobż (abbundanti) u l-pastizzi (ifexfxu fiż-żejt) li nieklu, huma aktarx infilsati f’kultura ta’ dawn l-aħħar għaxieren ta’ snin li qed iħallu l-impatt negattiv warajhom. Imma, mhux biss.

Il-kultura tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel tagħna, kienet (u aktarx) għadha lura żżejjed u ma tikkompensax għal dak li nikkonsmaw. Jekk xejn, bażi tajba b’tifsira valida għall-eżerċizzju fiżiku għandha sservi għal tul ta’ snin. Wara kollox, dik hi l-edukazzjoni, il-qafas li fuqu tinbena l-personalità tal-individwu.

Id-dibattitu dwar dan is-suġġett huwa wiesa’ u mhux lakemm taqta’ linja ta’ fejn jibda u wisq aktar, ta’ fejn jispiċċa. Madankollu, xi mkien fil-bidu tiegħu, għandu jkun hemm post ċentrali għall-bidla fil-mentalità ta’ kif aħna bħala pajjiż inħarsu lejn l-attività sportiva sa mill-ewwel snin tal-edukazzjoni obbligatorja ‘l quddiem.

Mingħajr wisq argumenti, irridu nirrikonoxxu li wliedna mhumiex jingħataw il-massimu. Lezzjoni waħda ta’ 36/40 minuta sa tnejn fil-ġimgħa, li possibbilment tulhom l-attività sportiva ma tkunx imfassla skont pjan ħolistiku li jkopri kurrikulu adattat skont il-ħteġijiet minn sena għal oħra, hija inefettiva daqslikieku ma jsir xejn.

Il-Ministru Evarist Bartolo, ftit xhur ilu, afferma li jeħtieġ politika drastika fl-iskejjel sabiex nibdew nirkbu fuq il-problema persistenti minn sena għal oħra.

Illum, fl-iskejjel, l-istudenti ma għadhomx jistgħu jixtru minn kollox – minkejja li wasluli rapporti ta’ ammont KBIR ta’ skejjel li għadhom ibiegħu kull xorta ta’ ċikkulata u junk ieħor – imma dan mhuwiex biżżejjed, jekk ma għandniex (u aktarx ma jistax ikollna) sistema effettiva ta’ screening biex nosservaw x’qed jittieħed magħhom fl-iskejjel mid-djar, jew agħar minn hekk, x’qed jittiekel qabel il-ħin u effettivament wara ħin l-iskola.

Għaldaqstant, irridu bidla fil-mentalità u l-approwċ tagħna bħala nazzjon. Imma rridu nibdew niżirgħuha llum biex naħsduha għada. Id-Direttorat tal-Edukazzjoni jeħtieġlu jkun hu li jibda kampanja intesiva li mhux tippromwovi l-healthy eating imma li tippromwovi stil ta’ dieta u eżerċizzju naturali għall-individwu.

Irridu nkunu lesti nissagrifikaw mill-akkademja u nassiguraw li wliedna fl-iskejjel ma jkolhomx inqas minn sagħtejn / sagħtejn u nofs ta’ eżerċizzju organizzat fil-ġimgħa, li flimkien ma’ approwċ ħolistiku mibni fuq għadd ta’ suġġetti, jibdew jirrikonoxxu b’għaqal il-ħsarat ta’ ċertu ikel. Qabel xejn, irridu mmorru lil hinn minn dak li ‘kien minn dejjem’ u neżerċitaw possibiltajiet diversi ta’ dixxiplini sportivi li jistgħu jħallu impatt, dixxiplini bħall-għawm (aktar frekwenti) u l-ġiri fost l-oħrajn.

Irridu nkunu lesti nimpalaw il-miljuni (il-Gvern għandu bil-bosta) biex inbiddlu d-dimensjoni sportiva ta’ kultura li għaliha l-isport huwa biss il-futbol u jekk hemm bżonn, nibnu faċilitajiet sportivi tal-ogħla standards f’kull skola ta’ Malta u Għawdex, bla limiti u riservi għax ulied il-poplu jeħtieġlu jkun mgħammar bi struttura li timxi pass pass mal-pjan.

Dawn l-ingredjenti kollha flimkien; attività sportiva akkademika u mibnija fuq pjan ħolitsiku, dieta xierqa u investiment sostanzjali sabiex nibdew inqisu l-attività sportiva u l-edukazzjoni fiżika parti integrali minn ħajjet uliedna, għandhom ikunu ċ-ċavetta li jwasslu għas-suċċess fl-implimentazzjoni tal-liġi li tħares fit-tul.

L-approvazzjoni tal-liġi ma jfisser xejn. Irid ikun il-gvern tal-ġurnata li jassigura bidla fil-mentalità, jagħmel użu aħjar mill-ispazji miftuħa bħalma għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti u introduċew outdoor gyms u bnew skejjel li jħajru l-attività minnha nnifisha.

Malta jeħtiġilha tagħraf li wasal mument kruċjali li għalih irridu nkunu uniti. L-approvazzjoni parlamentari unanima bejn żewġ partiti tawgura tajjeb, imma issa flimkien irridu nkunu tarka kontra d-dieta żbilanċjata u nibdew nibnu fuq il-qafas li l-Partit Nazzjonalista mill-Gvern u issa mill-Oppożizzjoni beda jħejji.

Jekk le, ser jgħaddu 30 sena oħra u nkunu għadna ngħażqu fix-xaħmijiet tal-pastizzi u z-zokkor tad-downats u erħilu jħabbat il-maltemp!

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal In-Nazzjon it-Tnejn, 18 ta’ Jannar.
Justin Schembri hu Kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali fuq it-tmien distrett.