Internazzjonali

Wara t-terrur f’Pariġi: L-omm ta’ vittma ‘qed tfittex lill-Belġju’

epa05037186 A police officer and a soldier watch over tourists in front of the popular "Manneken Pis" tourist attraction following the terror alert level being elevated to 4/4, in Brussels, Belgium, 22 November 2015. Belgium raised the alert status to maximum because of a 'serious and imminent' threat of an attack. The Metro line remains closed and all Belgian league one and two soccer matches have been cancelled. The Belgian government said it had concrete evidence of a planned terrorist attack that would have employed weapons and explosives. EPA/STEPHANIE LECOCQ

L-omm ta’ avukat Franċiż li spiċċa maqtul meta grupp ta’ terroristi tal-ISIS attakkaw zoni fiċ-ċentru ta’ Pariġi, fit-13 ta’ Novembru li għadda, akkuża lill-Belġju dwar negliġenza u beħsiebha tressaq il-każ il-qorti.

Ħafna mill-qattiela tal-ISIS li wettqu l-istraġi ta’ Pariġi kellhom nisel Belġjan u l-mara inkwistjoni, Nadine Ribet-Reinhart, temmen li l-awtoritajiet tal-Belġju messhom għamlu aktar fil-konfront tat-terroristi. Hi qalet li ‘r-riżultat tan-nuqqas ta’ azzjoni huma l-familja mkissrin u t-tfal li qatt mhuma se jitwieldu’.

Binha, l-avukat Valentin Ribet, kien wieħed minn 130 persuna li nqatlu fl-attakki koordinati tal-ISIS li heżżew Pariġi fit-13 ta’ Novembru. Hu inqatel mit-terroristi waqt li kien qed jattendi kunċert tal-grupp Eagles of Death Metal li kien għaddej, dak il-ħin, fl-arena tal-Bataclan. It-tfajla tiegħu, Eva, spiċċat midruba iżda kienet salvat b’ħajjitha.

Jaħsbu li ħafna mill-ippjanar għall-attakki kien seħħ fil-Belġju u l-awtoritajiet Belġjani, issa, qalu li identifikaw tliet moħbiet li użaw l-aggressuri ‘ta’ Pariġi’ fis-sigħat qabel huma vvjaġġaw lejn Franza, fit-13 ta’ Novembru.

Ħafna minn dawk it-terroristi kienu nofshom Belġjani u nofshom Marokkini, filwaqt li kellhom rabtiet mad-distrett ta’ Molenbeek ta’ Brussell. Il-kap suspettat tat-terroristi, Abdelhamid Abaaoud, li miet f’Novembru waqt rejd mill-pulizija f’St Denis (sobborg ta’ Pariġi) kien trabba f’Molenbeek waqt li kien attiv f’aġir terroristiku ieħor.

Numru ta’ avukati qalu li l-Belġju, bħala Stat, jista’ jinżamm responsabbli ‘b’konnessjoni mad-dmija ta’ Pariġi’. Iżda biex jirnexxi rikors iridu jinstabu provi konkreti ta’ negliġenza – f’dan is-sens li l-Istat kellu informazzjoni speċifika relatata iżda naqas milli jieħu azzjoni. F’dan il-kaz ukoll l-omm tal-avukat teħtieġ tipprovdi dawn il-provi sinifikanti.