L-għaqdiet Flimkien għal Ambjent Aħjar, Rambler’s Association, Friends of the Earth (Malta), Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta, MOAM, Sustainable Built Environment, Youth for the Environment, Greenhouse Malta, il-Kunsill Studenti Universitarji, Kopin, Gender Liberation, Żminijietna u l-Ġiżwiti ngħaqdu mal-Għaqda Bajja San Tumas kontra l-iżvilupp propost fl-inħawi tal-Munxar/Xrobb l-Għaġin fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
L-għaqdiet qed isostnu li l-2000 metru kwadru ta’ art verġni proposti għal żvilupp li qed jissejjaħ wieħed ta’ agro-turiżmu, imur kontra l-istess prinċipju ta’ agro-turiżmu. Sostnew li ż-żona identifikata għandha valur għoli, hi ta’ importanza ekoloġika u waħda xjentifika u tmiss ma’ art ODZ li, fil-Pjan Lokali tal-2006 għan-nofsinhar ta’ Malta, kienet meqjusa għal park nazzjonali.
L-għaqdiet saħqu li l-iżvilupp propost, li jinkludi uffiċċji, akkomodazzjoni turistika, mollijiet mal-bajja, pixxina, therapy salon, fitness centre, wine bar, swali għall-attivitajiet, restorant u ċentru ta’ konferenzi mhu ebda proġett ta’ agro-turiżmu waqt li qalu li d-deskrizzjoni ta’ agro-turiżmu hi biss skuża biex warajha jinħeba żvilupp ta’ lukanda.
Minbarra li saħqu li proġett simili joħloq impatt negattiv b’mod viżwali fuq il-park u jkun jeħtieġ diversi toroq u joħloq tniġġiż ta’ dawl u ħsejjes, insistew li l-bini ta’ campus fiż-Żonqor diġà se jkun qed itellef dawn l-inħawi ta’ Malta minn art verġni u li Malta ma tistax tkompli titlef iktar art.
Dawn l-14-il għaqda sostnew li art ODZ m’għandhiex tintuża għal proġetti ta’ turiżmu waqt li art oħra, bħal-lukanda abbandunata tal-Jerma li hi fil-qrib, tista’ tintuża għal dan l-iskop. Insistew li Malta tant hi żgħira li għal attivitajiet ta’ agro-turiżmu jistgħu jintużaw diversi propjetajiet vojta li fihom ikunu jistgħu joqgħodu t-turisti. Dan, saħqu, jgħin b’mod ġenwin l-interessi nazzjonali.
L-għaqdiet qalu wkoll li l-fatt li s’issa ngħaqdu 15-il għaqda kontra dan it-tip ta’ żvilupp juri kemm hawn tħassib f’Malta dwar l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Insistew li l-ambjent hu marbut mal-ġustizzja soċjali, ma’ spazji għar-rikreazzjoni tal-ħafna u li s-saħħa fiżika u mentali tiddependi fuq in-natura. Staqsew jekk l-awtoritajiet humiex jippreferu l-gwadann fl-immedjat għal ftit min-nies minflok is-saħħa tal-pajjiż, u saħqu li jekk dan hu minnu, dan hu kompletament inaċċettabli. Insistew li l-Gvern qed jaġixxi fl-interess tal-ftit minflok fl-interess tal-pajjiż.
//= $special ?>

