Lokali Parlament

Aġġornata: Michael Falzon jirriżenja minn Segretarju Parlamentari

Iffaċċjat minn kundanna fl-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali, is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Michael Falzon tefa’ r-riżenja tiegħu wara l-każ li fih Mark Gaffarena ngħata propjetà fi Triq Zekka fil-Belt għal prezz baxx ħafna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta, bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-istess Michael Falzon, dan tal-aħħar kompla jsostni li ma ndaħalx f’dan il-każ. Madankollu, il-Prim Ministru stess qal li għalih mhux ġust li Segretarju Parlamentari bħal Michael Falzon jidħol politikament responsabbli għal trasferiment ta’ propjetà meta jkun qed jiffirma għaliha.

L-Awditur Ġenerali kkundanna lis-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għax iffaċilita t-trasferiment tal-art lil Gaffarena meta ffirma għal din l-għotja, filwaqt li sempliċiment qagħad fuq il-persuni li mexxew it-trasferiment.

Minkejja l-kundanna tal-Awditur Ġenerali, Michael Falzon qal li hu konfuż dwar xi jrid jgħid ir-rapport u saħansitra tefa’ fid-dubju l-awtonomija tal-Awditur Ġenerali meta qal li partijiet mir-rapport huma daqslikieku qed tisma’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jitkellem.

Anke Joseph Muscat tefa’ d-dubji dwar l-investigazzjoni u qal li r-rapport għandu numru ta’ kontradizzjonijiet. Filwaqt li ddeskriva lil Michael Falzon bħala l-ħabib tiegħu, fisser dan il-każ bħala turija ta’ ‘good governance’. Iżda meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk hux se jerfa’ responsabbiltà politika, hu qal li se jagħmel dan billi jwettaq riformi.

Minuti biss wara li kien ippubblikat ir-rapport, il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed joffri l-bidla li vvota għaliha l-poplu, kif ukoll li Michael Falzon għolla l-livell tal-istandards politiċi f’pajjiżna. Iddieskriva dak li ġara fid-Dipartiment tal-Artijiet bħala “xi ħaġa mhux denja għall-Gvern li jmexxi” u ħabbar li waqqaf kull trasferiment, bejgħ, kiri jew ċens tal-art tal-Gvern.

Minflok Michael Falzon, bl-istess responsabilità, għada mistennija tinħatar Deborah Schembri. Madankollu, dan it-tibdil jista’ jitqies bħala wieħed superfiċjali, hekk kif l-istess meta mistoqsi x’se jkun qed jagħmel, Michael Falzon qal “nibdel posti u mmur backbencher”.