Nhar il-Ġimgħa se jkunu qed isiru żewġ laqgħat fl-Universita’ ta’ Malta li fihom il-Prim Ministru se jkun qed jiltaqa’ mal-istaff biex iħabbrilhom tibdil li se jsir dalwaqt. Fost l-oħrajn, il-ħatra ta’ Rettur ġdid.
Din il-ġimgħa il-ġurnal In-Nazzjon irrapporta kif sitt membri li kienu jiffurmaw parti mill-Kunsill tal-Universita’, immexxi mir-Rettur Joanito Camilleri, tneħħew mill-Gvern b’telefonata. Din il-mossa, illi jidher li hija kordinata bejn Kastilja u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, saret eżatt qabel ma toħroġ is-sejħa l-ġdida għall-pożizzjoni ta’ Rettur.
Kien fil-bidu tax-xahar meta il-gazzetta il-mument żvelat li l-Professur Tanya Sammut-Bonnici hi l-favorita tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-ħatra ta’ Rettur ġdid. Il-Professur Tanya Sammut-Bonnici hi l-Kap tal-Fakulta tal-Marketing, Ekonomija, Management u Accountancy fl-Università ta’ Malta.
Sorsi fil-kamp edukattiv, b’mod partikolari viċin ħafna tal-Università ta’ Malta, qalu lil il-mument li hi x-xewqa ta’ Kastilja li f’din il-kariga ta’ Rettur tal-Università ta’ Malta tinħatar mara għaliex b’hekk il-Gvern ikun qiegħed jieħu gwadann politiku li f’pożizzjoni daqstant importanti jkun poġġa lil persuna ta’ sess feminili.
Madankollu jidher li hemm persuni oħra li għandhom l-aspirazzjoni jew ix-xewqa li jieħdu huma din il-kariga prestiġjuża li magħha ġġorr ukoll pakkett finanzjarju mill-aqwa. Fosthom hemm l-ekonomista Mario Vella, il-Professur Godfrey Baldacchino u Dr. John Portelli.
//= $special ?>

