Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono tiżvela prassi ħżiena ta’ self fil-Bank of Vallettta u li huma ta’ ħsara għas-settur finanzjarju u s-settur bankarju f’pajjiżna
Wara l-appelli fil-Parlament tad-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono biex tittieħed azzjoni b’rabta ma’ rapporti fuq ċertu nies minn ċertu ċrieki tal-poter li jagħmlu telefonati jew ikellmu lil nies fil-Bank of Valletta biex jingħataw jew jitħaffu faċilitajiet ta’ kreditu u saħansitra anke tinbidel id-deċiżjoni, il-Bank of Valletta ħatar investigazzjoni interna b’urġenza.
Kristy Debono tkellmet dwar dawn ir-rapporti persistenti fil-Bank of Valletta, fid-dibattitu fil-Parlament dwar l-Att li jistabbilixxi Reġistru Ċentrali tal-Kreditu fil-Bank Ċentrali li permezz tiegħu jiġi provdut lil istituzzjonijiet ta’ kreditu, aċċess għall-informazzjoni fuq persuni li potenzjalment isiru klijenti ta’ dawn l-istituzzjoniet.
Id-Deputat Nazzjonalista qalet li qed nisimgħu b’rapporti persistenti ta’ nies li jċemplu lin-nies responsabbli l-bank biex jgħaddu kelma ħalli t-tali persuni jew it-tali kumpaniji jingħataw faċilitajiet finanzjarji meta internament d-deċiżjonijiet ikunu sejrin f’direzzjoni oħra. Dan minħabba li l-informazzjoni li tkun qed tinkiseb dwar dawn l-individwi jew kumpaniji tkun tindika li dawn it-talin mhumiex ta’ reputazzjoni tajba inkwantu pagamenti fuq kreditu.
Filwaqt li qalet li ma tridx tinftiehem li l-Ministru b’xi mod qed jindaħal f’tali deċiżjonijiet, Kristy Debono fissret li sar fatt magħruf li ċertu nies minn ċertu ċrieki tal-poter minn żmien għal żmien jagħmlu telefonati jew ikellmu lil nies fil-Bank of Valletta li jkunu qed jaħdmu fuq faċilitajiet ta’ kreditu biex dawn il-faċilitajiet jitħaffu.
Dan qed jiġi rappurtat li qed isir fis-sens li jingħataw malajr kemm jista’ jkun lil ċertu individwi, jew inkella saħansitra jkollna sitwazzjoni fejn nies tal-affari tagħhom fil-bank ikunu waslu għall-konklużjoni li tali kumpanija jew tali nies ma jingħatawx faċilità ta’ kreditu finanzjarju minħabba problemi li jkollhom jew li kellhom fil-passat, jew inkella ma’ banek oħra u fid-daqqa u l-ħin issirilhom telefonata minn ċertu nies biex din il-faċilità tingħata kif tkun qed tintalab mill-klijent.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji, IT u Gaming, qalet li din hi sitwazzjoni gravi u waqt li rridu nissalvagwardjaw is-settur finanzjarju u s-settur bankarju f’pajjiżna, ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn dawn l-affarijiet jiġru.
Saħqet li ma jistax ikun li fil-Bank of Valletta qed nirritornaw għas-sitwazzjoni fejn mhux kemm għandek reputazzjoni tajba inti biex tieħu faċilità, imma lil min taf.
Dak iż-żmien, saħqet Kristy Debono, spiċċa darba għal dejjem u min jemmen li jrid jerġa’ jqajjem ċertu spettri tal-passat, għandu jkun ġeneruż bi flusu u mhux bi flus ħaddieħor fil-Bank of Valletta.
Fi stqarrija b’reazzjoni għall-appelli tad-Deputat Nazzjonalista, il-Bank of Valletta qal li dawn huma allegazzjonijiet serji u d-Dipartiment tal-Internal Audit tal-Bank ingħata struzzjonijiet biex iwettaq investigazzjoni interna b’urġenza biex jiddetermina jekk dawn l-allegazzjonijiet humiex fondati.
Iddikjara wkoll li l-Bank se jikkopera bis-sħiħ ukoll, kif dejjem jagħmel, mas-Superviżuri Bankarji jekk huma jiddeċiedu li jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom stess dwar dawn l-allegazzjonijiet.
//= $special ?>