L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, il-GTA, innutat b’interess l-għeluq ta’ proċeduri legali fil-konfront ta’ għaddas barrani wara inċident fatali fid-Dwejra f’Ġunju tal-2014.
Iktar kmieni dan ix-xahar, ħareġ li l-għaddas Stephen Martin kien għadu mfittex mill-awtoritajiet Maltin akkużat bi qtil involontarju taż-żewġ għaddasa, Larissa Hooley u Nigel Haines, li għerqu waqt li kienu taħt il-baħar fid-Dwejra. L-għaddas, li hu wkoll instructor, kien qed jiġi akkużat b’negliġenza u li l-inċident seħħ minħabba nuqqas ta’ attenzjoni min-naħa tiegħu fuq sħabu li tagħhom kien responsabbli.
Martin kien se jitressaq il-Qorti fir-Renju Unit din il-ġimgħa wara li l-awtoritajiet Maltin ħarġu mandat internazzjonali għall-arrest tiegħu biex jidher fil-Qorti f’Malta. Din il-ġimgħa stess, l-awtoritajiet Maltin waqqgħu l-akkużi fil-konfront ta’ Martin.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-GTA, Joe Muscat, qal li waqt li jesprimi s-simpatija lill-familji taż-żewġ għaddasa li tilfu ħajjithom f’dan l-inċident, il-GTA tilqa’ l-fatt li dan l-episodju issa hu kapitlu magħluq.
L-assoċjazzjoni rringrazzjat lil dawk li fl-aħħar xhur kienu involuti fil-każ, fosthom l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, li ħadet interess partikolari f’dan il-każ.
//= $special ?>