Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Iskandlu Gaffarena juża’ aġġettivi ta’ kundanna ċara. Rapport gravi li ma jħalli l-ebda dubju li l-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni, li saret it-timbru ta’ dan il-Gvern.
Dan saħqu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal dak li ħareġ mir-rapport. Hu qal li jilqa’ r-rapport li wassal għal riżenja oħra mill-Gvern ta’ Muscat: ir-riżenja ta’ Michael Falzon għax dan hu rapport li jagħti raġun lil dak li ilha tgħid għal tmien xhur sħaħ l-Oppożizzjoni dwar l-Iskandlu Gaffarena.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li b’dan ir-rapport, il-kredibbiltà ta’ Joseph Muscat u tal-Gvern ħadet daqqa kbira għax dan hu skandlu li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru. Barra minhekk, Muscat kien kostrett jagħmel dak li għamel u mhux għax jemmen li kellu jsir hekk.
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista ħa anke nota ta’ dak li qal Michael Falzon waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tħabbret ir-riżenja tiegħu, meta qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali bħal qisu qed jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan il-kliem, kompla jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, hu ċertifikat ieħor għall-Oppożizzjoni.
Simon Busuttil kompla li l-poplu xeba’ b’dawn l-iskandli u qed ifittex tama fi stil ta’ politika differenti: politika onesta, nadifa u korretta. Dan hu dak li qed joffri l-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv. Il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lill-media għar-rwol kruċjali li kellha biex jinkixef dan l-iskandlu.
//= $special ?>

