Lokali Parlament

Ippreżentat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-proprjetajiet trasferiti lil Gaffarena

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar investigazzjonijiet b’rabta mal-każ ta’ trasferiment ta’ artijiet fil-Belt Valletta li jittratta l-każ marbut mal-iskandlu ta’ Gaffarena.

Ir-rapport tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ispeaker Anġlu Farrugia fil-bidu tas-seduta tal-lejla li bdiet fis-6pm.

Fil-ħin li tqiegħed ir-rapport, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ma kienx preżenti fil-Parlament. Nhar it-Tnejn li għadda, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, talab lill-Ispeaker Anġlu Farrrugia jinvestiga kif fl-aħħar jiem, ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li tressaq fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati llum spiċċa f’idejn il-media li fl-aħħar jiem ippubblikat rapporti dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport.

F’ruling li ta l-Ispeaker ilbieraħ stess, kien dikjarat wara investigazzjonijiet li saru, li r-rapport ma spiċċax f’idejn il-media minn xi membru tal-Uffiċċju tal-Awditur.

L-allegati skandli kienu żvelati fil-media trattaw it-trasferiment u xiri ta’ proprjetajiet minn Marco Gaffarena, u dwar is-sehem tad-dipartimenti tal-gvern u s-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li hu resposnabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet immexxija mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.

Il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-istejjer li kienu ppubblikati fil-media b’rabta mar-rapport li ntalab jagħmel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenerali, kienu fiċ-ċentru ta’ kontroversji, dibattiti u aħbarijiet fl-aħħar xhur, ġimgħat u fl-aħħar jiem.