“Michael Falzon imissu rriżenja sitt xhur ilu, flimkien mad-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tal-Propjeta’ tal-Gvern.”
Dan qalu Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, huwa u jikkummenta dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-każ tal-espropjazzjoni ta’ propjeta’ fi Triq Zekka l-Qadima fil-Belt Valletta.
Fi stqarrija hu qal li r-rapport tal-Awditur huwa kundanna tat-Taqsima tal-Propjeta’ tal-Gvern li bdiet il-proċess ta’ espropjazzjoni mingħajr ma kien hemm ġustifikazzjoni għal dan fl-interess pubbliku. “Huwa wkoll kundanna ċara tal-ex-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li ma kienx kapaċi jissorvelja l-operat tat-Taqsima tal-Propjeta’ tal-Gvern.”
Ir-riżenja ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari kien pass korrett imma sitt xhur tard, skont l-Alternattiva Demokratika.
L-Alternattiva kompliet li Michael Falzon imissu rriżenja f’Lulju li għadda wara li ġie ipprezentat ir-rapport tal-Internal Audit and Investigations Department (IAID). Dakinhar bħala riżultat ta’ dan ir-rapport kien irriżenja id-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tal-Propjeta’ tal-Gvern bl-iskuża ta’ raġunijiet personali.
Cacopardo kkonkluda li “huwa tajjeb li l-Prim Ministru ħabbar riformi fil-mod kif għandha tkun amministrata l-art propjeta’ pubblika għax tal-inqas b’hekk hemm ċans li minn dan il-każ il-pajjiż jibbenefika billi jkunu introdotti proċeduri li jħarsu l-interess pubbliku.”
//= $special ?>

