Internazzjonali

Il-fjuwil madwar id-dinja ikompli jorħos imma f’Malta jibqa’ għoli

Il-prezz taż-żejt matul il-ġurnata tal-Erbgħa reġa’ rreġistra tnaqqis hekk kif fis-suq internazzjonali hawn provista ferm akbar mit-talba.
L-Erbgħa kien imiss il-prezz taż-żejt Amerikan biex jikser rekord ieħor – l-irħas li qatt kien mill-2003 – dan hekk kif naqas b’aktar minn erba’ fil-mija u beda jinbiegħ bis-27.32 dollaru kull barmil.
Minkejja dan il-prezz, il-fuel f’pajjiżna jibqa’ għoli ħafna ikkumparat ma’ pajjiżi oħrajn Ewropej, tant li l-prezz tad-diesel għadu fil-livell ta’ €1.22 u l-unleaded petrol jinbiegħ għall-prezz ta’ €1.32.
Il-Brent Crude, iż-żejt li jitqies bħala l-kejl ewlieni internazzjonali, l-Erbgħa beda jinbiegħ bis-27.77 dollaru kull barmil. Dan, wara li t-Tnejn raħas għal 27.67 dollaru kull barmil – l-irħas li qatt kien fi 12-il sena.
Issa, biż-żejt tal-Iran dalwaqt fis-suq, l-indikazzjonijiet huma li l-prezz se jkompli jorħos, u mhux qed ikun eskluż li dan jinżel ukoll għal 20 dollaru kull barmil. Tant li l- International Energy Agency, li tagħti pariri lill-pajjiżi industrijalizzati dwar l-enerġija, din il-ġimgħa ma eskludietx li l-2016 se tkun sena fejn is-suq internazzjonali jkun mifquħ biż-żejt.