Lokali

L-awtoritajiet Maltin akkużati b’danni enormi b’rabta mas-sekwestru tal-Mariella

L-avukat tal-kooperattiva tas-sajd Jonio, Francesco Oliveri, qed jakkuża lill-awtoritajiet Maltin b’danni enormi kkawżati mis-sekwestru tal-lanċa tas-sajd ‘Mariella’ li ilha wieqfa f’pajjiżna sa mid-9 ta’ Diċembru li għadda.

Is-sidien u l-ekwipaġġ tad-dgħajsa qed jisħqu li din żviluppatilha ħsara fil-magna u kien għalhekk li daru lejn pajjiżna. Iżda għall-kuntrarju l-awtoritajiet ta’ Malta qed jakkużaw lill-ekwipaġġ li stadu fl-ibħra territorjali ta’ Malta u b’numru ta’ irregolaritajiet.

F’kummenti lil ġurnali fl-Italja, Oliveri kkonferma li flimkien mal-lanċa tas-sajd f’pajjiżna hawn miżmuma wkoll tliet membri tal-ekwipaġġ. “Għalina dan hu dannu enormi għax il-lanċa ilha xahar wieqfa u l-ekwipaġġ miżmum f”Malta,” qal Oliveri.

F’kummenti lill-midja ta’ Sirakuża, l-avukat Taljan Giuseppe Bottaro, rappreżentant legali tal-Jonio Pesca Societa’ Cooperativa u sid id-dgħajsa tas-sajd fisser din is-sitwazzjoni bħala inaċċettabbli u qal li l-awtoritajiet Maltin għandhom jirrispettaw id-dritt u dover ta’ stat membru li jikkollabora ma’ stat membru ieħor.

Saħansitra akkuża lill-awtoritajiet ta’ pajjiżna li qed jaġixxu b’mod illegali u mhux jirrispettaw il-konvenzjonijiet internazzjonali.

Fit-8 ta’ Jannar l-avukat rappreżentant tas-sajjieda Siċiljani qal fil-Qorti li l-arrest tal-ekwipaġġ jammonta għal trattament inuman u degradanti, bl-ekwipaġġ jgħid li l-arrest tagħhom kien illegali, għalkemm l-avukati tad-Dipartiment tas-Sajd f’Malta qalu li dawn mhux arrestati.

Fil-Qorti mistennija tagħti l-ġudizzju tagħha dwar dan il-każ fit-28 ta’ Jannar.