Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon kien fost dawk li ma ħarisx l-interessi tal-Gvern bl-espropjazzjoni ta’ propjetà fil-Belt lil Gaffarena fi Triq iz-Zekka.
Dan ħareġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali, li fil-bidu tas-seduta Parlamentari tal-lejla tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rapport tiegħu, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal li f’dan il-każ naqsu l-istandards li wieħed kien qed jistenna għal tmexxija tajba.
Fi tweet ftit wara li r-rapport tressaq fuq il-Mejda tal-Kamra, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ma fadlilhomx triq oħra ħlief li jerfgħu r-responsabbiltà politika.
Mill-investigazzjonijet li saru jirriżulta li fil-proċeduri tal-artijiet esproprijati u trasferiti fi Triq Zekka fil-Belt, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ddikjara li kien hemm nuqqasijiet ta’ governanza tajba.
fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali jitkellem dwar kompliċita bejn Gaffarena, Michael Falzon, id-Direttur Ġenerali tal-Artijiet u d-Direttur tal-Estate Management. Ir-rapport jgħid li dan sar bi ksur tal-prinċipji fundamentali tal-governanza tajba, it-trasparenza u l-ġustizzja.
Ir-rapport jgħid li minkejja li kien id-Direttur tal-Estate Management li primarjament innegozja ma’ Gaffarena, dan il-ftehim ma kienx ikun possibli mingħajr l-approvazzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Artijiet u l-awtorizzazzjoni finali tas-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Michael Falzon.
Kien iddikjarat ukoll li l-azzjoni li ħa d-Dipartiment dwar il-proprjetà tal-Gvern fuq it-talba mressqa minn Gaffarena b’rabta mal-esproprijazzjoni, mingħajr ebda diskussjoni u analiżi, saret b’mod li hu diffiċli li tifhem.
L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kkonkluda li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment dwar il-Proprjetà tal-Gvern u d-Direttur tal-Estate Management fallew biex jissalvagwardaw l-interessi tal-Gvern meta esproprjaw il-proprjetà.
Meta wieħed iqis kif żdieded il-valutazzjoni tal-proprjetà fi Triq Zekka, is-sottovalutazzjoni tal-art li ta l-Gvern, kif ukoll is-somom ta’ flus kontanti li tħallsu, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Ġenerali jqis li l-esproprijazzjonijiet li saru ma jirriflettux il-valur veru ta’ flus.
Kien stabbilit ukoll li Gaffarena kien konxju mill-intenzjoni tal-Gvern li jesproprja qabel ma jkun hemm il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-President. L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali hu tal-fehma li din l-informazzjoni kienet kunfidenzjali minħabba li kienet sensittiva, u li kien biss Gaffarena li jaf biha. Dan poġġa lis-sidien l-oħrajn tal-istess proprjetà fi żvantaġġ, b’Gaffarena seta’ jantiċipa l-intenzjoni tal-Gvern li jesproprja il-kumplament tal-ishma qabel ma’ dan sar magħruf fil-pubbliku.
Aktar dettalji dalwaqt …
//= $special ?>

