Lokali

“Musical Chairs” … lejn ir-raba’ verżjoni tal-Kabinett-Muscat

“Musical Chairs”. Hekk qed tiġi meqjusa l-bidla li l-Prim Ministru Joseph Muscat jista’ jkun li jħabbar fil-Kabinett Laburista.

Din il-bidla, li tidher qed iddur mal-fatt li llejla se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Iskandlu Gaffarena, qed tfakkar lil ħafna fid-dikjarazzjoni li kien għamel Muscat innifsu saħansitra qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Dakinhar, Joseph Muscat kien qal li se jagħmel l-aqwa Kabiett fl-istorja. Iżda llum, tliet snin wara, qed nistennew it-tħabbira tar-raba’ verżjoni ta’ dan l-aqwa Kabinett. Analisti qed isostnu li din hi biss reċta min-naħa tal-Prim Ministru biex jipprova jiddevja l-attenzjoni minn fuq l-Iskandlu Gaffarena.

Fost oħrajn, il-ġurnal The Malta Independent ipprova jantiċipa l-karti li Muscat s’issa għadu qed iżomm moħbija. Il-ġurnal jirrapporta li l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia lest jaċċetta kariga Ministerjali, possibbilment tal-Ambjent, bil-ġurnal jispekula li b’dan il-mod Muscat jipprova jagħlaq ħalq id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia mill-kritika tagħha dwar dan il-qasam.

Jingħad li dan jista’ jsir minħabba li l-Ministru attwali tal-Ambjent Leo Brincat se jintbagħat jieħu post Louis Galea bħala r-rappreżentant Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

The Malta Independent jirrapporta li fost dawk li se jitilfu posthom hemm il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġorġ Vella, li jista’ jkollu lill-eks Ministru Manwel Mallia bħala s-suċċessur tiegħu. Mallia kien tneħħa minn Ministru wara l-każ tal-isparatura mix-xufier tiegħu fil-Gżira.

Jingħad ukoll li anke l-Viċi Prim Ministru Louis Grech mistenni jieqaf hawn minn kariga Ministerjali. Madankollu, dan il-pass jista’ jieħu naqra aktar fit-tul minħabba l-proċess intern fil-Partit Laburista għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej ġdid. Dwar dan, il-ġurnal jgħid li t-tnejn fuq quddiem fil-ġlieda hemm il-Ministri Owen Bonnici u Edward Zammit Lewis.

Dan iċ-ċaqlieq kollu jdur mas-sehem li kellu s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon fl-Iskandlu Gaffarena. Madankollu, il-ġurnal jgħid li Falzon mhux se jitħalla b’xejn f’din ir-reshuffle għax jista’ jkun li jingħata l-kariga ta’ Whip tal-Gvern minflok Godfrey Farrugia. U ma’ dawn, qed jissemmew ukoll il-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg, li jistgħu jitilfu posthom jew ikollhom ċaqlieq fil-portafoll.

Rapporti wkoll dwar il-possibbiltà li naraw ir-raba’ verżjoni tal-Kabinett ta’ Muscat waslu mill-portal Newsbook.com.mt, li elenka wħud mix-xnihat li qed jissemmew. Fost oħrajn, li l-Ministru Konrad Mizzi jibqa’ responsabbli mill-Enerġija, iżda fil-portafoll tiegħu jiżdiedlu t-Trasport Pubbliku. Anke hawn naraw li Manwel Mallia jista’ jirritorna fil-Kabinett, filwaqt li Joe Mizzi se jsir responsabbli fost l-oħrajn mill-Ambjent.

Newsbook.com.mt u The Malta Independent jaqblu li Leo Brincat se jieħu post Louis Galea fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.