Ħaddiema tal-Isptar Mater Dei talbet skuża lil sħabha fis-sala fejn taħdem wara li fit-12 ta’ Jannar, waqt li kienet fuq il-post tax-xogħol, ċemplet fuq is-Super One biex tipparteċipa f’kompetizzjoni.
Il-mara qattgħet madwar ħames minuti tiċċaċċra mal-preżentaturi filwaqt li għal iktar minn darba spjegat li tinsab ix-xogħol għaliex fis-sala fejn taħdem it-televiżjoni jkun fuq il-One.
F’ittra li bagħtet lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar, Ivan Falzon, hi ammettiet li minħabba l-aġir tagħha tat isem ħażin lill-isptar mal-pubbliku ġenerali kif ukoll ħsara u umiljazzjoni fuq sħabha.
F’ċirkulari li bagħat, Falzon fakkar lill-ħaddiema tal-isptar li huma jirrappreżentaw il-post tax-xogħol tagħhom f’kull ħin, bil-mod kif jitkellmu u jaġixxu kemm fil-post tax-xogħol u barra.
Dan is-sit bagħat mistoqsijiet lill-awtoritajiet tal-isptar fejn stqasejna jekk ittiħditx azzjoni dwar dan il-każ.
//= $special ?>