Internazzjonali Unjoni Ewropea

Xahrejn ċans biex iġġib il-kriżi tal-immigrazzjoni taħt kontroll

Donald Tusk, il-kap tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, wissa li l-Unjoni Ewropea ma kellhiex aktar minn xahrejn ċans biex iġġib il-kriżi tal-immigrazzjoni taħt kontroll.
Hu qal dan hekk kif din il-ġimgħa indirizza l-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Tusk qal li s-summit f’Marzu tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea kien se jkun l-aħħar ċans biex jitranġaw l-affarijiet u l-istrateġija Ewropea taħdem. Jekk le, wissa Tusk, kien se jkun hemm konsegwenzi gravi, fosthom li aktarx jikkrolla l-Ftehim ta’ Schengen.
It-twissija ta’ Tusk saret hekk kif id-deċiżjonijiet meħudin biex tiġi kkontrollata l-kriżi tal-immigrazzjoni u jissaħħaħ il-Ftehim ta’ Schengen għad mhux qed ikunu implimentati.
Tusk qal li hemm ħafna nuqqasijiet fid-deċiżjonijiet li kienu ttieħdu f’dawn l-aħħar xhur; deċiżjonijiet, qal Tusk, li kienu jinkludu kemm il-ħolqien ta’ hotspots biex jinġabru fihom l-immigranti, kif ukoll id-deportazzjoni ta’ dawk li ma jkollhomx id-dritt għall-kenn u t-tqassim tal-piż fost il-pajjiżi-membri. Tusk qal ukoll li l-pjan ta’ azzjoni mat-Turkija s’issa ma kienx qed iħalli frott.
Skont l-aħħar ċifri maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea, kienu biss 322 persuna li talbu kenn fl-UE minn 160,000 li tqassmu bejn il-pajjiżi-membri, filwaqt li minn Settembru, kienu biss 836 li kienu ddeportati. Iċ-ċifri juru wkoll li l-pajjiżi-membri allokaw 201 espert mit-374 mitlubin mill-UE, u 447 għassies tal-fruntiera mis-775 mitlubin mill-Frontex.
Il-pajjiżi-membri wiegħdu wkoll 575.45 miljun ewro għal fondi differenti minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni; imma dan hu ferm ’il bogħod mit-2.2 biljun ewro li huma meħtieġa.