Internazzjonali

Aġġornata: Inkjesta tgħid li l-avvelenar ta’ Litvinenko probabbilment kien approvat minn Putin

Skont ir-riżultat ta’ inkjesta pubblika, il-mewt tal-eks spjun tar-Russja Alexander Litvinenko, li fl-2006 miet ivvelenat fir-Renju Unit, probabbilment kien approvat mill-President Russu Vladimir Putin.

Il-konklużjoni tar-rapport kienet żvelata f’Qorti ta’ Londra, bl-inkjesta ssostni li Putin aktarx iffirma biex japprova li Litvinenko jispiċċa vvelenat b’sustanza magħrufa bħala polonium 210. Ingħad li parti mir-raġuni aktarx kienet dovuta għal sens ta’ antagoniżmu li kien hemm bejn iż-żewġt irġiel.

L-armla ta’ Litvinenko, Marina, laqgħet dan ir-rapport b’sodisfazzjon, filwaqt li sejħet biex ikunu imposti restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar għal Putin flimkien ma’ sanzjonijiet fuq ir-Russja. Madankollu, il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qed jgħid li l-investigazzjoni kienet waħda politiċizzata u li l-inkjesta ma kinitx trasparenti.

Aktar kmieni …
Fl-Ingilterra hemm stennija għar-rapport li se jkun ippublikat, li fih se jkunu qed jingħataw id-dettalji dwar investigazzjoni relatata mal-qtil tal-eks spija Russu Aleksander Litvinienko.

Litvinienko miet fl-2006 f’Londra, fl-età ta’ 43 sena, ftit jiem wara li kien avvelenat bil-polonium, sustanza radjattiva li aktarx xorobha waqt li kien qed jieħu té.

Analisti qed isostnu li l-istennija prinċipali hi biex jaraw jekk ir-rapport hux se jipponta subgħajh lejn l-amministrazzjoni Russa, fosthom saħansitra lejn il-President Vladimir Putin, li hu wkoll kien parti mis-Servizz Sigriet tal-Unjoni Sovjetika (KGB).