Internazzjonali

Attakki fuq faċilitajiet taż-żejt fil-Libja

Aggressuri suspettati bħala terroristi tal-ISIS attakkaw faċilitajiet taż-żejt qrib it-terminal ta’ Ras Lanuf — bil-grupp ISIS, aktar tard, jhedded ‘aktar attakki ta’ din ix-xorta’.

Żewġ tankijiet għall-ħażna taż-żejt ħadu n-nar waqt l-attakki, bl-inċidenti iseħħu f’inħawi li, aktar kmieni fix-xahar, ukoll kienu spiċċaw mira ta’ militanti.

Ġellieda tal-ISIS bagħtu filmat fuq il-mezzi tal-grupp terroristiku bil-messaġġ li ‘wara l-portijiet ta’ Es Sider u Ras Lanuf issa jmiss li l-portijiet ta’ Brega, Tobruk, Es Serir, Jallo u Al-Kufra jintlaqtu minn attakki ġodda’.

Il-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt tal-Libja qalet li z-zona inkwistjoni qed tiffaċċja ‘katastrofi ambjentali’, bi dħaħen kbar qegħdin ikopru l-inħawi. Dan meta ġarrbu ħsarat kbar il-faċilitajiet tad-dawl li jissupplixxu lid-distretti industrijali u residenzjali taz-zona.

Ir-rapporti qalu li t-terroristi immiraw għal pipeline li jwassal miz-zona ta’ Amal ( li tipproduċi ż-żejt) għat-terminal ta’ Es Sider. Ingħad li saru numru ta’ konfronti bejn il-militanti u l-gwardjani li qed iħarsu l-faċilitajiet tal-inħawi.

Il-produzzjoni taż-żejt mil-Libja hi anqas minn 25 fil-mija tal-ogħla livell irreġistrat fl-2011 u meta l-pajjiż kien jipproduċi 1.6 miljun barmil kuljum.