Il-Kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, David Casa, appella lill-Ewroparlamentari Maltin biex jiġbdu ħabel wieħed u joġġezzjonaw għall-miżuri komuni ta’ taxxa fl-UE kollha li jistgħu jippreġudikaw l-interessi ta’ Malta.
David Casa kien qed jirreaġixxi għar-rwol ta’ Alfred Sant bħala shadow rapporteur għar-rapport dwar il-politika ta’ kompetizzjoni.
Mill-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Casa qal li wieħed kien jistenna li Ewroparlamentari Maltin, speċjalment jekk għandhom rwol influwenti f’rapport partikolari, kellhom jagħmlu kull sforz possibbli biex titneħħa l-proposta ta’ taxxa korporattiva komuni. Qal ukoll li jekk dan ma rnexxiex, wieħed kien jistenna li almenu l-MEP jivvota kontra l-emendi li jippromwovu l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa.
Malta ilha topponi d-dħul ta’ din it-taxxa li hi meqjusa waħda li jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-kompetittività tal-pajjiż. Il-ħames MEPs l-oħra Maltin ivvutaw kontra l-emendi dwar din it-taxxa partikolari waqt li Alfred Sant astjena u vvota favur ir-rapport sħiħ kif emendat.
David Casa saħaq li l-pożizzjoni ta’ Malta ilha ċara għal ħafna żmien u li l-Ewroparlamentari kellhom jibqgħu konsistenti kontra l-armonizzazzjoni tat-taxxa.
//= $special ?>