Il-Pulizija dalgħodu bdiet investigazzjoni fid-Dipartiment tal-Artijiet, fil-Berġa tal-Baviera fil-Belt, bil-ħaddiema ma tħallewx jidħlu fl-uffiċċji tagħhom.
Jidher li l-investigazzjoni bdiet ilbieraħ filgħaxija wara li tħabbret ir-riżenja ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet wara li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Iskandlu Gaffareena tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fil-fatt, sa mill-bieraħ filghaxija stess, numru ta’ Uffiċjali tal-Pulizija dehru deħlin fil-Berġa tal-Baviera biex jibdew l-istħarriġ tagħhom. Dalgħodu, imbagħad, il-ħaddiema ma ngħatawx aċċess għall-uffiċċji tagħhom mingħajr ma ngħataw informazzjoni dwar l-iskopijiet wara din l-investigazzjoni.
Jirriżulta li l-investigazzjoni tal-Pulizija bdiet wara li l-Prim Ministru ddikjara li kien ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex ikun assigurat li ma jkunx hemm files nieqsa fl-investigazzjonijiet li jridu jsiru.
//= $special ?>