Internazzjonali

IL-BELĠJU: Arresti dwar suspettati rabtiet mat-terrur

L-awtoritajiet fil-Belġju arrestaw żewġ irġiel rigward rabtiet potenzjali mas-suspettati li, f’Novembru, kienu wettqu l-attakki terroristiċi koordinati f’diversi bnadi ta’ Pariġi li ħallew 130 mejtin u għexieren oħra midruba.

Il-grupp ISIS kien assuma responsabbiltà għat-terrur storiku tat-13 ta’ Novembru li laqat il-qalba tal-kapitali Franċiża. Issa, il-Prosekutur Federali tal-Belġju qed jirreferi għal żewġ arrestati ‘ġodda’ identifikati bħala Zakaria J, ta’ nazzjonalità Belġjana u Mustafa E, li magħruf bħala Marokkin.

L-indikazzjonijiet huma li ż-żewġ irġiel għandhom konnessjoni ma’ ‘suspettati differenti li kienu involuti fl-attakki ta’ Novembru f’Pariġi’.

Zakaria J u Mustafa E kienu arrestati waqt rejds tal-pulizija fiz-zona ta’ Molenbeek ta’ Brussell. Filwaqt li r-rejd ma żvela l-ebda moħbiet ta’ armi jew splussivi, magħruf li numru ta’ terroristi involuti fl-attakki ta’ Pariġi kienu għamlu żmien residenti fl-inħawi ta’ Molenbeek.