Internazzjonali

Il-Pakistan: Luttu u kaċċa għall-qattiela ta’ studenti

Kelliema għall-qawwiet tas-sigurtà Pakistani qalu li saru ‘passi kbar’ fl-impenji intiżi biex jidentifikaw lill-awturi tal-massakru ta’ nhar l-Erbgħa, fl-Università ta’ Charsadda, li ħalla almenu 21 mejtin, fil-parti kbira nett studenti.

Il-poplu tal-Pakistan, intant, osserva jum ta’ luttu nazzjonali għall-vittmi li nqatlu minn grupp ta’ rġiel armati li, fil-jum preċedenti, assedjaw l-Università ta’ Bacha Khan, fil-limiti ta’ Peshawar lejn il-Majjistral tal-pajjiż. L-attakk kixef nuqqasijiet fis-sistemi tad-difiża għal kontra militanti, u l-qawwiet Pakistani żiedu l-livell tas-sigurtà għoli fiz-zona partikolari.

Il-qawwiet tas-sigurtà qatlu tal-inqas erba’ rġiel suspettati li ħadu sehem fl-attakk fuq l-università. Iżda filwaqt li rrappurtaw dwar ‘l-aħħar żviluppi’, il-kelliema militari baqgħu ma semmewx lill-aggressuri li wettqu d-dmija. Aktar qabel, wieħed mill-kmandanti tat-Taliban fil-Pakistan tenna li l-grupp tiegħu kien wettaq l-attakk fuq l-università, waqt li sorsi oħra viċin il-moviment militanti ċaħdu li dan kien minnu.

L-aggressuri, nhar l-Erbgħa, kienu daħlu fil-kumpless tal-università u fetħu n-nar fuq l-istudenti u persuni oħra ta’ fakultà partikolari li kienu miġburin għall-qari u l-analiżi ta’ poeżiji. Il-maqtula jinkludu almenu 17-il student, professur u membri tal-istaff tal-università. Numru ta’ nies li spiċċaw feruti jinsabu f’sitwazzjoni stabbli.

L-attakk qajjem għadab kbir madwar il-Pakistan, fost velja ta’ talb għall-vittmi f’diversi nħawi tal-pajjiż, inkluża l-belt ta’ Quetta. Saru wkoll protesti dwar il-massakru fl-inħawi ta’ Karachi.