BLOGS

Inħarsu ‘l quddiem

Il-Konvenzjoni Ġenerali, bit-tema Idea Ambjent, li organizza l-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa li għaddiet hi pass importanti fl-iżvilupp tal-partit innifsu, iżda wara kollox hi wkoll turija li l-Partit Nazzjonalista qed iħares ‘il quddiem.

Iħares’il quddiem għaliex bit-temi li qed jiġu diskussi, juri ċar kemm il-partit qed jagħraf dak li qed iweġġa’ lill-poplu. L-ambjent bħalissa hu tema ewlenija. Hu issa li ħafna nies qed jirrealizzaw kemm huma konxji tal-ambjent madwarna – għaliex l-oġġett ma ttihx importanza sakemm titilfu – hemm tinduna kemm hu importanti għalik. Għalhekk kienet tema magħżula tajjeb biex il-Partit Nazzjonalista jisma’ u jaqsam il-ħsibijiet tiegħu mal-poplu għaliex l-ambjent għandu verament ikun tagħna lkoll.

Anke n-numru ta’ workshops li ġew organizzati wrew li l-Partit Nazzjonalista mhux qed juża t-tema tal-ambjent bħala sempliċi tema iżda qed jara l-istampa kollha biex b’mod ħolistiku jisma’ l-weġgħat tan-nies biex ikun jista’ jindirizzahom ġaladarba jiġi fdat bit-tmexxija ta’ pajjiżna. Mobilità, aċċessibbiltà, ekonomija ambjentali – dawn huma kollha temi li jindirizzaw u jinteressaw partikularment lil ħafna nies u hu fid-dover ta’ kull Gvern li jara li dawn l-oqsma jiġu ndirizzati u ndirizzati sew.

Sfortunatament, illum il-Gvern mhux jagħti kas dak li verament hu ta’ ġid għall-poplu u għall-pajjiż iżda qed jara biss li n-nies tal-qalba jieħdu dak li jridu jew li ġew imwegħda – bil-vittma ewlenija jkun l-ambjent iżda fl-aħħar mill-aħħar il-poplu Malti li qed jiġi mċaħħad minn dak li hu tiegħu.

Stħarriġ inkoraġġanti
Mhux ta’ b’xejn li l-Partit Nazzjonalista miexi ‘l quddiem – għaliex qed iħares ‘il quddiem – u dan jixhdu s-survey li ħareġ nhar il-Ħadd f’gazzetta lokali li juri kemm id-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas. Dan għaliex il-poplu qed jirrealizza l-ingann tal-Partit Laburista u japprezza l-politika onesta li qed jippromwovi u jimxi biha l-Partit Nazzjonalista xprunat mill-Kap Simon Busuttil. Survey b’figuri li jagħmlulna kuraġġ iżda li juru li l-ħidma issa għandha tiżdied biex inkomplu fuq dak li bdejna.

Hemm diversi modi ta’ kif wieħed jista’ jinterpreta s-survey – ħafna jinterpretawh kif jaqbel lilhom bħal m’għamlu ħafna mill-esponenti tal-Partit Laburista. Il-Partit Nazzjonalista għandu jinterpretah b’mod wieħed – li x-xogħol li qed isir, it-tiġdid li sar u għadu qed isir, il-bidliet li saru fil-Partit Nazzjonalista, dawn kollha qed iħallu l-frott għaliex il-Partit Nazzjonalista, wara li mal-ewwel ħa l-pożizzjoni ta’ Oppożizzjoni kostruttiva, issa qed jippożizzjona ruħu bħala Gvern alternattiv.

Gvern alternattiv għaliex bl-aġir tiegħu, il-Partit Nazzjonalista diġà qed juri x’se jsarraf meta jkun fil-Gvern. Mhux qed jagħmel bħalma għamel Joseph Muscat u qal biss dak li riedu jisimgħu n-nies biex jirbaħ il-voti. Le, il-Partit Nazzjonalista qed ifassal il-politika anke mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni – b’hekk meta tivvota lill-Partit Nazzjonalista, ma tkunx qed tivvota kaxxa magħluqa li ma tafx x’se ssib fiha, iżda se tkun qed tivvota partit li jaf x’inhuma l-weġgħat tan-nies u lest jindirizzahom għal ġid tal-poplu Malti u għal ġid ta’ pajjiżna.