Lokali

It-tielet bidla “fl-aqwa kabinett fl-istorja”

Deborah Schembri tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Segretarju Parlamentari
Wara r-riżenja ta’ Michael Falzon – It-tielet darba li “L-aqwa kabinett fl-istorja” kellu tibdil

Għal ħabta tas-6 tal-lejla ingħatat il-ġurament tal-ħatra bħala Segretarju Parlamentari id-deputat Laburista Deborah Schembri.

Schembri se tkun qed tieħu post Michael Falzon li rriżenja minn Segretarju Parlamentari wara l-kundanna tal-Awditur Ġenerali lill-Gvern ta’ Muscat dwar l-iskandlu Gaffarena.

Schembri se tkun qed tassumi rwol ta’ Segretarju Parlamentari għall-ippjanar u s-simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi… liema segretarjat hu parti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Din hi t-tielet darba li l-kabinett ra tibdil f’din l-amministrazzjoni. Dan minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat fil-kampanja elettorali meta kien qal li l-kabinett ta’ Gvern immexxi minnu kien se jkun l-aqwa kabinett fl-istorja

L-aħħar każ li heżżeż dan il-kabinett kien l-iskandlu ta’ Gaffarena. B’kollox sa issa rajna erba’ kundanni mill-awditur għal mod kif qed imexxi dan il-Gvern. Fost oħrajn insibu l-każ ta’ Cafe Premier, il-mod kif saret il-krija b’mod illegali lill-ARMS li permezz tagħha il-GWU daħlet ammonti kbar ta’ flus, u kundanna oħra dwar deals ta’ xiri ta’ żejt mill-Ażerbajġan.