Internazzjonali

L-ISTATI UNITI: Rabja għall-kriżi tal-ilma f’belt ta’ Michigan

Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama wiegħed l-appoġġ kollu lill-belt, fl-Istat ta’ Michigan, li qed tiffaċċja kriżi ta’ ilma kontaminat u fejn sostna li r-residenti ħaqqhom ‘ħafna aħjar minn hekk’.

Il-belt ta’ Flint, bħalissa, għaddejja minn sitwazzjoni kerha meta l-provvista tal-ilma spiċċat imniġġża wara li tħalltet maċ-ċomb ta’ pajpijiet antiki. Dan seħħ meta kien inbidel is-sors li jipprovdi l-ilma lil din il-belt fl-2014.

Il-President Obama, li kien qed jitkellem f’Detroit, qal li kieku kien ġenitur tat-tfal residenti fi Flint kien ikun ‘ferm irrabjat u inkwetat’ dwar is-sogru għas-saħħa ta’ uliedu minħabba l-ilma mniġġeż. Ir-residenti ta’ Flint ilhom żmien jilmentaw dwar l-irwejjaħ u qegħdin anki jbatu effetti fiżiċi bħal uġigħ ta’ ras minħabba s-sitwazzjoni.

Peress li n-nies ma jistgħux jixorbu l-ilma tal-vit, il-membri tal-Gwardja Nazzjonali ssieħbu ma’ voluntiera biex jiddistribwixxu filters u fliexken tal-ilma lir-residenti tal-lokal.

Dan meta l-Gvernatur ta’ Michigan, Rick Snyder, qed jiffaċċja sejħiet għar-riżenja għall-mod kif hu ikkonfronta l-kriżi.