Lokali

Minn għada: daqshekk talb tal-Musulmani fil-pjazza tal-Imsida, trasferiti għall-Ospizio fil-Floriana

Minn għada, mhux se jsiru aktar sessjonijiet ta’ talb mill-komunità Musulmana fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokjali tal-Imsida. Minflok, dawn is-sessjonijiet se jsiru f’żona miftuħa oħra.

Fi stqarrija, il-Gvern ħabbar li wara laqgħat bejn il-Gvern u l-komunità Musulmana, intlaħaq dan il-qbil, bis-sessjonijiet ta’ talb issa se jibdew isiru fl-Ospizio, li tifforma parti minn binjiet li huma propjetà tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Il-Gvern, fl-istqarrija, qal li ż-żewġ partijiet iddiskutew ukoll il-possibbiltà ta’ soluzzjonijiet oħra li jservu aktar fit-tul f’faċilitajiet eżistenti.

Is-sessjonijiet ta’ talb mill-Musulmani quddiem il-Knisja tal-Imsida ħolqu kontroversja. Filwaqt li l-Musulmani qalu li kienu qed jitolbu f’din il-pjazza minħabba li m’għadx għandhom post fejn jitolbu fl-Imsida, dawk li ma qablux mas-sessjonijiet ta’ talb qalu li l-għażla ta’ din il-pjazza ma kinitx xierqa.

Il-Ħadd li għadda, l-istess pjazza fl-Imsida laqgħet attività mtella’ mill-għaqda Patrijotti Maltin, li wkoll wasslu l-messaġġ tagħhom ta’ oppożizzjoni għal sessjonijiet ta’ talb mill-Musulmani f’din il-pjazza.